http://www.newsbook.com.mt/artikli/2016/1/3/awdjo:-tifel-mic-cina-jappella-lill-maltin-biex-japprezzaw-il-malti.40260/
Dak li qal dan it-tifel fl-artiklu huwa ta' bellezza profonda ħafna u huwa korrett. Forsi lanqas hu ma jirrealizza kemm-il sbuħija hemm fi kliemu tant sempliċi u li tant spiss smajt minn fomm it-tfal. Bħalma wieħed ma jagħżilx l-omm li twelldu, l-istess ma jistax jagħżel il-pajjiż fejn se jitwieled u għalhekk wieħed irid inkondizzjonalment juri rispett u mħabba lejn dak kollu li jirrapreżentahom.
L-ebda passaport, kemm jekk ġiex akkwistat bit-twelid, bid-dritt jew bix-xiri ma jagħmlek verament Malti. Hija l-kapaċità li titkellem u li eventwalment tista' tifhem dak kollu li huwa possibli jingħad bil-lingwa Maltija li jagħmlek Malti.
“Jekk ma tafx il-Malti sew, m’intix Malti.”
Wieħed għandu dritt li t-tfal ikellimhom bil-lingwa li jrid fid-dar tiegħu. Iżda ġenitur li jagħżel li ma jgħallimx il-Malti jagħmel tajjeb li jirraġuna sew jekk dak il-psewdo-Ingliż li jgħallmu huwiex verament se jkun ta' utilità kbira għall-futur tiegħu. Fil-fatt, huma ħafna dawk il-Maltin li lil uliedhom ikellmuhom b'Ingliż li la jinstema' u lanqas ma għandu struttura tal-Ingliż li jitkellmu fl-Ingilterra, fl-Amerka u fl-Awstralja, iżda huwa Ingliż li jintuża u li jinftiehem hawn Malta biss - il-Maltese English, ċoè, l-Ingliż-Malti.
Dak li tifel iseħħlu matul it-trobbija tiegħu se jaffettwah għal ħajtu kollha. Jekk tifel se jitgħallem Ingliż-Malti, dan se jsibha xorta waħda diffiċli biex jitgħallem l-Ingliż-Ingliż, l-Ingliż-Amerikan jew l-Ingliż-Awstraljan - li huma tliet lingwi differenti minn xulxin. Probabbilment se jsibha iżjed diffiċli mill-oħrajn għax l-Ingliż li mingħalih li jaf (li fil-verità spiss huwa Ingliż b'struttura Maltija peress li l-maġġoranza tal-ġenituri Maltin jitkellmu Inglix b'dak il-mod) se jtellfu ċertament xħin jiġi biex jitgħallem wieħed minn dawk il-varjanti ħafn'iżjed popolari tal-Ingliż li semmejt. Huwa eħfef li tikteb fuq karta bajda qadima milli fuq waħda diġà mħażża u mċappsa.
L-aċċess inkreddibbli li tipprovdi lingwa bħall-Malti huwa ta' ġid li jiġi spjegat sew. Il-Malti, bħal kull lingwa fid-dinja, jirrapreżenta l-kultura u l-istorja ta' pajjiżna, post li minn dejjem kien jilqa', jgħaqqad u jħallat nies ta' kulturi, soċjetajiet u lingwi differenti. Din hija l-isbaħ ħaġa li tana pajjiżna sa mit-twelid: il-kuntatt ma' dak kollu li hu tad-Dinja l-Qadima, ta' dak li ġej sa mill-bidu tal-istorja umana. U mhux biss.
L-istruttura Semitika tal-Malti tagħti aċċess eħfef għal-lingwi bħall-Għarbi u l-Ebrajk. (Kemm huwa importanti f'dawn iż-żminijiet - iżjed minn qatt qabel - li n-nies tad-dinja jkollhom iżjed ftehim ta' dawn il-lingwi, u l-kulturi li jirrapreżentaw!) Fil-Malti għadu jintuża kliem li jidher fl-Eġizzjan l-Antik u l-Akkadjan. Ma setax ikun hemm post fid-dinja aħjar minn Malta fejn lingwist seta' jitwieled. Dan ngħidu b'kunfidenza qawwija li xxeqleb għaċ-ċertezza assoluta. L-ammont ta' kliem li daħal minn lingwi Rumanzi varji jgħin sabiex wieħed jagħraf u jiftakar b'mod aktar faċli kliem mit-Taljan, mis-Spanjol, mill-Franċiż, mir-Rumen, u żvarjati lingwi differenti. Il-Malti fih strutturi li ma jidhrux fl-Ingliż u fit-Taljan iżda jintużaw eżattament bħalna fil-Ġappuniż u fil-Korean. Barra minn hekk, ħafna espressjonijiet idjomatiċi, qwiel u kalki minn lingwi oħrajn daħlu u jinstabu diġà f'ilsienna u dawn kollha jiswaw vantaġġ meta wieħed jiġi biex jitgħallem lingwa jew sempliċiment irid jifhem il-mod ta' kif jaħseb wieħed li ġej barra minn xtutu.
Ħarsa sempliċi lejn dizzjunarju turi kemm ħafna inqas hemm vokabularju Malti kkumparat mal-lingwa bħall-Ingliż u tista' tagħti l-impressjoni li l-lingwa Maltija hija sempliċi, bażika jew primittiva. Iżda dan huwa raġunament żbaljat ta' ħafna u spiss dan huwa l-kawża tad-diżrispett li jintwera lejn il-lingwa ta' gżiritna. Li jiġri fil-Malti huwa li ħafna affarijiet, azzjonijiet u deskrizzjonijiet huma kunċettwalment l-istess u b'hekk jiġu rappreżentati bl-istess kelma. Din ħaġa li ssir f'lingwi kkunsidrati sempliċi, bażiċi u primittivi oħra bħaċ-Ċiniż, lingwa li dan it-tifel qed jistudja l-iskola wkoll. Imma la ċ-Ċiniż, u fuq kollox, lanqas il-Malti ma huma ta' min jikkunsidrahom hekk.
Fommna: Ilsienna u Ommna
Dak li qal dan it-tifel fl-artiklu huwa ta' bellezza profonda ħafna u huwa korrett. Forsi lanqas hu ma jirrealizza kemm-il sbuħija hemm fi kliemu tant sempliċi u li tant spiss smajt minn fomm it-tfal. Bħalma wieħed ma jagħżilx l-omm li twelldu, l-istess ma jistax jagħżel il-pajjiż fejn se jitwieled u għalhekk wieħed irid inkondizzjonalment juri rispett u mħabba lejn dak kollu li jirrapreżentahom.
Li umilment nissuġġerixxi jien huwa li jekk ġenitur huwa Malti li trabba jitkellem bil-Malti, dan għandu jkellem lil uliedu bil-Malti. Jekk wieħed mill-ġenituri għandu lingwa nattiva differenti, it-tifel għandu d-dritt li dik il-lingwa jkun jafha sew ukoll daqs il-Malti b'mod bilanċjat. Il-moħħ tat-tfal taħt l-10 snin huwa differenti ħafna minn dak tal-adulti. Huwa flessibli u lest li jitgħallem żewġ, tliet, erba', ħames u saħasitra sitt lingwi f'daqqa. Lil uliedkom żommuhom familjari mal-Ingliż billi turuhom films, programmi, mużika jew kotbawdjo addattati għalihom li ġejjin mir-Renju Unit jew mill-Istati Uniti. Ħalluhom jaraw animazzjoni u cartoons bit-Taljan jew bil-Ġappuniż bis-sottotitli bl-Ingliż. Ħalluhom jitgħallmu u (għaliex le?) tgħallmu magħhom intom ukoll lingwi bħaċ-Ċiniż u l-Għarbi. Tibżgħux minn dak is-sabiħ li għadkom ma tafux. Taqtgħux qalbkom għax is-sabiħ qiegħed fejn taħsbu li m'intomx se ssibuh. U, fuq kollox, tillimitawx lil uliedkom.