2020年2月20日木曜日

0 (Xejn) ma jitqabbel miegħek

Kultant it-tfittxija tagħna tidher li spiċċat meta niltaqgħu ma' persuna li tista' teħlisna mid-dwejjaq, mis-solitudni u mill-kruha tal-ħajja tal-lum. Kultant il-persuna li ħsibna li sibna nemmnu li hija l-waħda li kienet qiegħda tfittex proprju lilna. Ikun mingħalina li s-sinjali qegħdin kollha hemm, daqslikieku l-univers qiegħed ikellimna u jħeġġiġna sabiex nieħdu ċans għal darba oħra. Sakemm jidher li dan ma jkunx minnu u nispiċċaw kif konna qabel - waħidna - imma dejjem bit-tama li nsibu dik il-persuna li qiegħda tfittixna, għax hija hija bħalna.

Dawn il-versi għandhom jiġu kantati mal-mużika ta' Nothing Compares 2 U, miktuba minn Prince.
 
0 Ma Jitqabbel Miegħek
għaddew seba' sigħat u ġimagħtejn
mindu tlaqt ma nafx għalfejn
spiċċajt immut bi nhar u nżur kull lejl
mindu tlaqt ma nafx għalfejn

minn mindu tlaqt nista' nagħmel dak li rrid
bħal niltaqa' ma' kull min ikun

nista' naqbad noħroġ u mmur għal kwalunkwe ġid
imma qatt, qed ngħidlek, qatt

mhu jqum dar-ruħ midfun

għax

 0 ma jitqabbel
0 ma jitqabbel
miegħek

waħdi lanqas iż-żmien mhu jgħaddi kif kien
bħal ħarifa li tinħass sas-sajf
0 ma jista' jwaqqaf dan id-dmugħ li nieżel
o ħabibti, fejn mort ħażin għid?

jien nixtieq ninsiek ma' kull tfajla illi nsib
kieku dawna ma jfakkrunix fik

ġew fuqi sħabi
aqta' x'qaluli?
aqta' x'qaluli?
qaluli sieħbi
aqbad insa għax in-nisa
dejjem ta' kull xorti sa jagħtuk
imma ma jafux

li
0 ma jitqabbel
0 ma jitqabbel
miegħek

il-fjuri kollha li ħawwiltli inti qalbi
ġewwa l-ġnejna
mietu kollha minn meta tlaqt 'l hemm

jien naf li biex tagħmilha miegħi
spiss lgħabt man-nar
imma ħsibtek li ridt tagħtihulna ċans

0 ma jitqabbel
0 ma jitqabbel
miegħek

0 ma jitqabbel
0 ma jitqabbel
miegħek

0 ma jitqabbel
0 ma jitqabbel
miegħek

2019年5月12日日曜日

Is-Siġar - The Trees - Gli Alberi

This poem was written by the greatest living Maltese poet of our times, Professor Immanuel Mifsud.


Intebħu s-siġar li konna se noqtluhom.

Setgħu jobsru meta rawna nħarsu lejhom

bid-daħqa fuq fommna, bix-xrar ġo għajnejna.

Fehmuha dik il-ħarsa s-siġar, fehmuha.

 

Dakinhar li rsaqna bl-arja kollha u nidħqu,

bl-elmijiet f’rasna, insuqu tank tal-gwerra

għaddej miexi jiknes kulma jsib quddiemu,

stennew id f’id is-siġar, ħadu nifs qawwi

w nefħu l-aħħar boqq’ ossiġnu lit-tfal tagħna.

 

 

                                The trees realized we were going to kill them.

                                They could tell when they saw us looking at them

                                with a smile on our faces, with sparks in our eyes.

                                The trees understood that look, they knew it.

 

                                That day we arrogantly approached them laughing,

                                with helmets on our heads, driving a war tank

                                as it moved taking everything found in its way

                                The trees waited holding hands, took a deep breath

                                and exhaled their last breath of oxygen to our children.

 

  

                                                                      Se ne erano accorti, gli alberi, che li stavamo per uccidere.

                                                                      Lo potevano supporre quando hanno visto che li guardavamo

                                                                      col sorriso sulle nostre labbra, col luccichio nei nostri occhi.

                                                                      Lo avevano capito quello sguardo, gli alberi, lo avevano capito.


                                                                      Quel giorno gli abbiamo raggiunti pieni d'arroganza, ridendo

                                                                      coi casci sulla nostra testa, guidando un carro armato

                                                                      che passava spazzando via tutto ciò che gli si trovava davanti.

                                                                      Attesero tenendosi le mani, gli alberi, fecero un respiro profondo

                                                                      ed esalarano l'ultima boccata d'ossigeno per i nostri figli.

2016年3月9日水曜日

John Lennon - Mara (Bil-Malti)

Għalik, Mara, din:

(Din għandha tiġi kantata mal-mużika ta' 'Woman' minn John Lennon.)

Għan-nofs l-ieħor tas-sema...

Mara
huwa daqsxejn kumpless
nuri dak li ġo ġismi qed jintmess
minn mindu sirt parti mid-dinja tiegħi

u Mara
ma jien se nħalli xejn ommess
il-gratitudni li hemm fija stess
talli wrejtni 
x'inhu l-veru suċċess

u...
mel'mela
tururuttutu

u...
mel'mela
tururuttutu

Mara
jien naf li int tifhem
dak it-tfajjel li f'ruħi hemm
żomm ġo moħħok
li ħajti tinsab f'idejk

u Mara
qegħidni qrib ħdejn qalbek
tkun kemm tkun 'il bogħod
qlubna orbothom sod
wara kollox
huwa dan l-uniku mod

u...
mel'mela
tururututtu

u...
mel'mela
tururututtu

mela 

Mara
ridt ngħidlek kelmtejn
jien kulma rrid li ma tibkili xejn
u ħallini ngħidlek għalfejn
u għalfej' u għalfejn

Inħobbok
għalhekk
issa u għal dejjem

Inħobbok
hekk hu
issa u għal dejjem

Inħobbok
hekk hu
issa u għal dejjem

Inħobbok...

2016年1月3日日曜日

如果你说马耳他语说得不好,你就不是马耳他人

http://www.newsbook.com.mt/artikli/2016/1/3/awdjo:-tifel-mic-cina-jappella-lill-maltin-biex-japprezzaw-il-malti.40260/

L-ebda passaport, kemm jekk ġiex akkwistat bit-twelid, bid-dritt jew bix-xiri ma jagħmlek verament Malti. Hija l-kapaċità li titkellem u li eventwalment tista' tifhem dak kollu li huwa possibli jingħad bil-lingwa Maltija li jagħmlek Malti.

“Jekk ma tafx il-Malti sew, m’intix Malti.”

Wieħed għandu dritt li t-tfal ikellimhom bil-lingwa li jrid fid-dar tiegħu. Iżda ġenitur li jagħżel li ma jgħallimx il-Malti jagħmel tajjeb li jirraġuna sew jekk dak il-psewdo-Ingliż li jgħallmu huwiex verament se jkun ta' utilità kbira għall-futur tiegħu. Fil-fatt, huma ħafna dawk il-Maltin li lil uliedhom ikellmuhom b'Ingliż li la jinstema' u lanqas ma għandu struttura tal-Ingliż li jitkellmu fl-Ingilterra, fl-Amerka u fl-Awstralja, iżda huwa Ingliż li jintuża u li jinftiehem hawn Malta biss - il-Maltese English, ċoè, l-Ingliż-Malti.

Dak li tifel iseħħlu matul it-trobbija tiegħu se jaffettwah għal ħajtu kollha. Jekk tifel se jitgħallem Ingliż-Malti, dan se jsibha xorta waħda diffiċli biex jitgħallem l-Ingliż-Ingliż, l-Ingliż-Amerikan jew l-Ingliż-Awstraljan - li huma tliet lingwi differenti minn xulxin. Probabbilment se jsibha iżjed diffiċli mill-oħrajn għax l-Ingliż li mingħalih li jaf (li fil-verità spiss huwa Ingliż b'struttura Maltija peress li l-maġġoranza tal-ġenituri Maltin jitkellmu Inglix b'dak il-mod) se jtellfu ċertament xħin jiġi biex jitgħallem wieħed minn dawk il-varjanti ħafn'iżjed popolari tal-Ingliż li semmejt. Huwa eħfef li tikteb fuq karta bajda qadima milli fuq waħda diġà mħażża u mċappsa.

L-aċċess inkreddibbli li tipprovdi lingwa bħall-Malti huwa ta' ġid li jiġi spjegat sew. Il-Malti, bħal kull lingwa fid-dinja, jirrapreżenta l-kultura u l-istorja ta' pajjiżna, post li minn dejjem kien jilqa', jgħaqqad u jħallat nies ta' kulturi, soċjetajiet u lingwi differenti. Din hija l-isbaħ ħaġa li tana pajjiżna sa mit-twelid: il-kuntatt ma' dak kollu li hu tad-Dinja l-Qadima, ta' dak li ġej sa mill-bidu tal-istorja umana. U mhux biss.

L-istruttura Semitika tal-Malti tagħti aċċess eħfef għal-lingwi bħall-Għarbi u l-Ebrajk. (Kemm huwa importanti f'dawn iż-żminijiet - iżjed minn qatt qabel - li n-nies tad-dinja jkollhom iżjed ftehim ta' dawn il-lingwi, u l-kulturi li jirrapreżentaw!) Fil-Malti għadu jintuża kliem li jidher fl-Eġizzjan l-Antik u l-Akkadjan. Ma setax ikun hemm post fid-dinja aħjar minn Malta fejn lingwist seta' jitwieled. Dan ngħidu b'kunfidenza qawwija li xxeqleb għaċ-ċertezza assoluta. L-ammont ta' kliem li daħal minn lingwi Rumanzi varji jgħin sabiex wieħed jagħraf u jiftakar b'mod aktar faċli kliem mit-Taljan, mis-Spanjol, mill-Franċiż, mir-Rumen, u żvarjati lingwi differenti. Il-Malti fih strutturi li ma jidhrux fl-Ingliż u fit-Taljan iżda jintużaw eżattament bħalna fil-Ġappuniż u fil-Korean. Barra minn hekk, ħafna espressjonijiet idjomatiċi, qwiel u kalki minn lingwi oħrajn daħlu u jinstabu diġà f'ilsienna u dawn kollha jiswaw vantaġġ meta wieħed jiġi biex jitgħallem lingwa jew sempliċiment irid jifhem il-mod ta' kif jaħseb wieħed li ġej barra minn xtutu.

Ħarsa sempliċi lejn dizzjunarju turi kemm ħafna inqas hemm vokabularju Malti kkumparat mal-lingwa bħall-Ingliż u tista' tagħti l-impressjoni li l-lingwa Maltija hija sempliċi, bażika jew primittiva. Iżda dan huwa raġunament żbaljat ta' ħafna u spiss dan huwa l-kawża tad-diżrispett li jintwera lejn il-lingwa ta' gżiritna. Li jiġri fil-Malti huwa li ħafna affarijiet, azzjonijiet u deskrizzjonijiet huma kunċettwalment l-istess u b'hekk jiġu rappreżentati bl-istess kelma. Din ħaġa li ssir f'lingwi kkunsidrati sempliċi, bażiċi u primittivi oħra bħaċ-Ċiniż, lingwa li dan it-tifel qed jistudja l-iskola wkoll. Imma la ċ-Ċiniż, u fuq kollox, lanqas il-Malti ma huma ta' min jikkunsidrahom hekk.

Fommna: Ilsienna u Ommna 


Dak li qal dan it-tifel fl-artiklu huwa ta' bellezza profonda ħafna u huwa korrett. Forsi lanqas hu ma jirrealizza kemm-il sbuħija hemm fi kliemu tant sempliċi u li tant spiss smajt minn fomm it-tfal. Bħalma wieħed ma jagħżilx l-omm li twelldu, l-istess ma jistax jagħżel il-pajjiż fejn se jitwieled u għalhekk wieħed irid inkondizzjonalment juri rispett u mħabba lejn dak kollu li jirrapreżentahom.

Li umilment nissuġġerixxi jien huwa li jekk ġenitur huwa Malti li trabba jitkellem bil-Malti, dan għandu jkellem lil uliedu bil-Malti. Jekk wieħed mill-ġenituri għandu lingwa nattiva differenti, it-tifel għandu d-dritt li dik il-lingwa jkun jafha sew ukoll daqs il-Malti b'mod bilanċjat. Il-moħħ tat-tfal taħt l-10 snin huwa differenti ħafna minn dak tal-adulti. Huwa flessibli u lest li jitgħallem żewġ, tliet, erba', ħames u saħasitra sitt lingwi f'daqqa. Lil uliedkom żommuhom familjari mal-Ingliż billi turuhom films, programmi, mużika jew kotbawdjo addattati għalihom li ġejjin mir-Renju Unit jew mill-Istati Uniti. Ħalluhom jaraw animazzjoni u cartoons bit-Taljan jew bil-Ġappuniż bis-sottotitli bl-Ingliż. Ħalluhom jitgħallmu u (għaliex le?) tgħallmu magħhom intom ukoll lingwi bħaċ-Ċiniż u l-Għarbi. Tibżgħux minn dak is-sabiħ li għadkom ma tafux. Taqtgħux qalbkom għax is-sabiħ qiegħed fejn taħsbu li m'intomx se ssibuh. U, fuq kollox, tillimitawx lil uliedkom.

2015年9月4日金曜日


為せば成る
為さねば成らぬ何事も
成らぬは人の為さぬなりけり



Jekk tagħmilha, isseħħ.
Jekk ma tagħmilhiex, ma sseħħx. Tkun xi tkun.
Dak li ma jseħħx hu minħabba l-fatt li n-nies m'għamluhx.



If you do, then it will happen.
If you don't, then it will not happen.
It didn't happen, 'cause you didn't do it.



करोगे तो होगा|
नही करोगे तो नही होगा|
नही हुआ, क्यूकि किया ही नही|

上杉鷹山
Uesugi Youzan

2014年4月23日水曜日

En Güzel Deniz - L-Isbaħ Fost L-Ibħra


Minkejja li huwa poeta ta' l-imħabba, Nâzim Hikmet huwa fl-istess ħin poeta tal-battalja. Il-qawwa tal-versi tiegħu tinstab propju fil-parteċipazzjoni ineżawrjenti li kellu għal dak kollu li kien iseħħ madwaru fid-dinja.

Hawnhekk ittraduċejt waħda mill-poeżiji favuriti tiegħi, oriġinarjament mingħajr titlu, li Hikmet kien kiteb meta kien ġie maqful il-ħabs bejn l-1942 u l-1946. 

-----------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

En güzel deniz :
                            henüz gidilmemiş olanıdır.
En güzel çocuk :
                            henüz büyümedi.
En güzel günlerimiz :
                            henüz yaşamadıklarımız.
Ve sana söylemek istediğim en güzel söz :
                            henüz söylememiş olduğum sözdür.


                L-isbaħ fost l-ibħra
                                               huwa dak li ma nnavigajniex
                L-isbaħ fost uliedna
                                               huwa dak li għadu ma kibirx
                L-isbaħ fost il-ġranet tagħna
                                               għadna ma għexnihomx
                U dak li nixtieq ngħidlek l-isbaħ
                                               għadni ma għidtulekx.



Awdjo 1 - Mużika
Awdjo 2 - Reċitazzjoni

2013年11月3日日曜日

Imħabba L-Imħabba

Jiena moħħ li jaħseb spiss fl-imħabba, anzi, nista' ngħid li jien prattikament fl-imħabba biss naħseb. Dan għaliex jiena wieħed minn dawk li jemmen li fil-ħajja, kollox huwa rriżultat jew ikkaġunat mill-preżenza jew min-nuqqas ta' mħabba. In-nuqqas ta' kontroll u ta' intelliġenza spiss jiġu mill-eċċess jew mill-assenza ta' imħabba.

Fil-Malti, 'minħabba' (minn+ħabba) hija prepożizzjoni li tindika kawża. Normalment jingħad li etimoloġikament din titnissel mill-espressjoni 'minn mħabba' jew inkella minn forma ta' 'mħabba' li nħolqot mill-kumparazzjoni ta' din il-kelma ma' kliem bħal minbarra u minkejja. Iżda fil-Malti, mbarra hija taqsira ta' minbarra (minn+barra), mhux il-kontra.

X'inhi tarbija jekk mhux ir-riżultat ta' mħabba? 
X'inhi gwerra jekk mhux in-nuqqas ta' mħabba?

"Iħobbha daqs il-ħabba t'għajnejh", jgħid il-Malti. Jekk neqilbuha għall-passat, din l-istess sentenza tiġi hekk: "Ħabbha daqs il-ħabba t'għajnejh", u wieħed jista' jinnota immedjatament l-omofoniċità li hemm bejn 'ħabbha' u 'ħabba'. Iżda dan mhuwiex l-uniku każ fejn is-sentiment ta' l-imħabba u l-organu ta' l-għajn huma relatati ma' xulxin.

Fil-fatt, l-iskop ta' dan il-post huwa li nuri dawk l-assonanzi u l-konnessjonijiet li ltqajt magħhom bejn kliem li jirreferu għall-imħabba, l-għajn u kif ukoll il-mara u l-baħar u dak kollu li jista' jinstab bejniethom.

Dante, fl-aħħar vers ta' l-aħħar kantika tad-Divina Commedia jgħid: "L'amor che move il sole e l'altre stelle". Dan il-vers - personalment l-isbaħ wieħed, flimkien ma' dawk tal-Ħames Kant ta' l-Infern - juri kif, l-imħabba, bħal dik tal-gravità, hija forza, u hija l-ikbar waħda fl-univers. Imbagħad parafrażi ċelebri minn diskors ta' Platun tgħid li "l-imħabba tinstab fil-għajn ta' min qed iħares." L-osservazzjoni u l-apprezzament tas-sbuħija hija dejjem ħaġa suġġettiva. Dak li huwa sabiħ għalija jista' jkun li mhuwiex sabiħ għal ħaddieħor.

Raġel jara mara. Mara tara raġel. U minn dad-daqqtejn t'għajn tinbet imħabba.

Kemm fiċ-Ċiniż u fil-Ġappuniż, il-karattru għall-imħabba huwa . Dan huwa kompost minn dawn l-elementi primittivi: 爪 'dwiefer' + 冖 'saqaf' + 心 'qalb' + 夂 'xitwa'. L-imħabba huwa dak is-sentiment li jġiegħlek tiggranfa bid-dwiefer ma' xi ħadd taħt is-saqaf ta' kamra f'lejla xitwija, qalb ma' qalb. F'dawn iż-żewġ lingwi, dan il-karattru jinqara 'ài' jew 'アイ ai', li appuntu jinstemgħu bħad-dittong Malti 'aj'. Apparti għall-pronom prinċipali tal-lingwa Ingliża 'I', dan il-ħoss huwa identiku għall-kelma Ingliża għall-għajn: eye. Il-kelma għajn u eye jixtiebhu ħafna wkoll.
Bil-karattri Ċiniżi, għajn tinkiteb hekk: . Hija appuntu stampa ta' l-organu tal-vista. Tidher kemm id-dawra ta' l-għajn (li matul il-millenji saret kwadra), kif ukoll il-ħabba ġo fiha. Imbagħad naraw l-ideografu li jfisser 'ħars' li huwa dan: , għajn 目 b'par saqajn umani 儿. Dak li wieħed jagħmel b'għajnejh meta jdur id-dinja fuq saqajh huwa li jħares madwaru u lejn il-ġmiel li din toffri. Dan il-karattru jintuża fil-Ġappuniż ukoll, fejn insibu l-verb 見る li jfisser 'ra'. 見る jinqara み・る miru. F'ċertu kuntesti partikolari, jintużaw 観る, 視る jew 看る minflok 見る, għalkemm kollha jinqraw bl-istess mod. Miru hija l-anagramma tal-kelma Maltija muri.

F'ħafna lingwi oħrajn Ewropej nistgħu ninnutaw kemm huma numerużi l-kliem li huma rrelatati mal-ħars bil-ħsejjes ta' l-/m/ u ta' l-/r/ ġo fihom. Fost oħrajn insibu mira (Malti/Taljan), miraklu/miracle/miracolo u ammira/admire/ammirare miraġġ/mirage/miraggio. Insibu wkoll mera/mirror fejn b'mod stramb ħafna naraw li fit-Taljan ma tintużax kelma b'/m/ u /r/ bl-istess tifsira. Għalkemm insibu kliem meraviljuż bħal mirabile, mirando, mirifico u mirino.

Mera bit-Tork hija ayna, kelma li hija rrelatata mal-kelma آینه âyne tal-Farsi (jew Persjan) u ma' оина‍ tat-Taġik. Dan il-kliem kollu jfakkar fil-ħoss tal-kelma 'għajn'.

Bħalma jgħidu ħafna kanzunetti, l-imħabba tweġġa'.

L-ewwel rajna kif il-kelma Ċiniża/Ġappuniża għall-imħabba qisha l-interjezzjoni ta' l-uġigħ (ajma) li ssib  f'bosta lingwi: ahia (Taljan), ay (Spanjol), aïe (Franċiż), ай (Russu), jaj (Ungeriż) u 아야 (Korean); dik tal-maġġoranza tal-lingwi tad-dinja, il-kelma għall-'imħabba' hija waħda ratba u ġentili. Fiha kważi dejjem insibu l-ħoss ta' konsonanti likwida: amore (Taljan), amour (Franċiż), amor (Latin, Spanjol, Portugiż, Rumen) u love (Ingliż), Liebe (Ġermaniż), любовь (Russu) u elska (Islandiż), láska (Ċekk), älska (Żvediż).

Fil-Malti, l-għerq rumanz ta' amore nsibuh f'kliem bħal 'namra', 'namur' u 'innamra'. B'mod interessanti ħafna, nsibu wkoll l-għerq Semitiku GĦ-M-R f'kliem bħal 'għammar' jew 'tgħammar', li apparti għall-koabitazzjoni u r-residenza (li wieħed missu jqabbel ma' dimora, le mura di casa, むら 【村】 mura 'villaġġ', eċċ), jirreferi spiss għall-akkoppjament ta' l-annimali.

Isem komuni ħafna madwar id-dinja huwa 'Mary'. F'Malta kulħadd jaf xi ħadd li jismu Marija jew forma alternattiva ta' dan l-isem bħal Mariah, Marica, Miriam, Mirielle u Moira - il-lista ma tispiċċa prattikament qatt. Fl-Eġizzjan l-Antik, il-kelma għall-imħabba hija 'mer', u l-verb 'ħabb' huwa 'mer(ỉ)'. Jingħad li l-isem Marija jew Mary huwa rrelatat ma' din il-kelma. F'xi kuntesti partikolari 'meri' tista' tfisser "(li) jien inħobb" jew "maħbuba".

Fl-Eġizzjan Antik, kelma għall-ħabba ta' l-għajn hija 'merit' u dik għall-għajn jew l-għajnejn hija 'mert'.

Fil-Ġappuniż insibu l-kelma ムラムラ (li tista' tinkiteb b'żewġ modi bil-kanji: 群群 u 叢叢). Tinqara 'muramura' u hija kelma mimetika, jiġifieri kelma li timita xi tip ta' sensazzjoni jew stat mentali. ムラムラ tintuża meta persuna, ġeneralment raġel, iħoss xi forma ta' eċċitament sesswali.

Fil-ħajja m'hemm xejn aqwa mill-imħabba ta' mara.

Ovvjament, jekk nirraġunaw bil-Malti, l-ewwel kelma li wieħed tiġih f'moħħu li fiha l-konsonanti /m/ u /r/ hija l-kelma mara. L-essenza ta' l-imħabba hija l-mara. Meta raġel iħobb mara, dan normalment iżewwiġha u jagħmel omm minnha. Żwieġ huwa marriage bl-Ingliż, mariage bil-Franċiż u martesë bl-Albaniż u omm hija mêre bil-Franċiż, mare bil-Katalan u مور /mur/ bl-Afgan. Il-kelma matrimonio li nsibu fit-Taljan turina b'mod ċar ir-relazzjoni li hemm bejn il-maternità u l-ħames Sagrament; marito tfisser 'husband' filwaqt li marti tfisser 'my wife'.

Il-mara taż-żiemel, id-debba, hija msejħa mare bl-Ingliż, kelma li hawn min jużaha biex jirreferi għal mara li ġġib ruħha b'mod stupidu. Bl-Islandiż, debba hija meri, bl-Olandiż merrie u bl-Iżvediż märr. Il-kelma Ġermaniża Mähre tirreferi għal debba avvanzata fl-età. Fil-Persjan Nofsani konna nsibu l-kelma ماتك mātak li tfisser 'mara; annimal ta' sess femminili'; li llum insibuha fil-forma ta' ماده mād(d)e - l-istess kelma tintuża għal 'materjal'. Fit-Tork medek għadha tintuża speċifikatament għall-mara tal-buflu. Din hija rrelatata mal-kelma Armena մատակ matak li tfisser kemm 'mara; annimal ta' sess femminili' kif ukoll 'mara tal-buflu' u 'debba'. L-anagramma (jew metateżi?) ta' matak, matka, tfisser 'omm' fiċ-Ċekk, fil-Polakk u fl-Islovakk.

Fit-Taljan, il-plural ta' mare huwa mari. Fid-djaletti ta' l-Italja nsibu alternanza fit-tifsira tal-kelma mari. F'Sardinja u Sqallija, fejn tintuża kemm fis-singular u l-plural, mari hija kelma li tfisser 'baħar', filwaqt li fil-Friuli l-istess kelma tfisser 'omm'. Wieħed ma jridx jinsa li fl-Għarbi l-ilma huwa msejjaħ ماء ma li huwa l-mod kif il-biċċa l-kbira tan-nies isejħu lil ommhom madwar id-dinja kollha. Omm Alla jisimha Marija.

Kunjom komuni ħafna fl-Amerka huwa M(a)cNamara. Dan għandu orġini Irlandiża u l-forma oriġinali Mac Conmara (Conmhaícne Mara) tiegħu tfisser "persegwituri tal-baħar". Fil-ġżira ta' Skye, fl-Iskozja, insibu wiski li jismu Mac na Mara li letteralment ifisser "iben il-baħar". Eżattament bħal 'Bin-', 'Fitz-' u 'Kil-', 'Mac-' huwa prefiss li jfisser 'iben' li wieħed spiss jiltaqa' miegħu fil-kunjomijiet u l-kelma 'na' tirreferi għall-artiklu definit 'il-'. Iżda l-kelma interessanti hija 'mara', li hawnhekk tfisser 'baħar'.

Fil-lingwa ta' l-Armenja, kelma oħra li tirreferi għal annimal ta' sess femminili hija մարի mari, li normalment tiġi assoċjata ma' għasafar. մարի hija kelma antika ħafna u hija rrelatata ma' kliem antik ieħor, bħal μεῖραξ mrax mill-Grieg l-Antik, li tfisser 'tfajla' jew aħjar, 'mara li għadha mhix matura'. Kuntrarjament, fis-Sanskritu मर्य marya tfisser 'tfajjel' jew 'raġel li għadu mhux matur'. L-għerq Proto Indo-Ewropew *meri̯o- jirreferi kemm għal tfajjel u tfajla. Bil-Welx march huwa 'żiemel' filwaqt li merch hija 'bint', 'tifla' jew 'xbejba' u fl-ilsien il-qadim ta' Cornwall jinstabu kliem bħal myrgh, mergh bl-istess l-aħħar tlett tifsiriet. Fid-djalett Brittanju ta' Franza insibu merc'h 'bint; tfajla' u merc'hig 'tfajla żgħira'. Fil-lingwa ta' Wales, morwyn hija kelma li tirreferi għal tfajla li għadha verġni.

Hemm ħafna xebh bejn pari ta' konsonanti likwidi bħal /l/ u /r/ jew konsonanti bilabjali bħal /b/ u /v/. Jekk wieħed jeqleb il-kelma 'love' bil-katakana (is-sillabarju Ġappuniż li jintuża għat-teqlib ta' kliem barrani), din tiġi ラブ 'rabu'. F'din id-diska nistgħu niltaqgħu ma' logħba b'dan il-fatt u naraw kif 目矢羅部 tfisser 'I love you', fejn 羅部 tfisser 'mħabba' peress li dawn iż-żewġ karattri jinqraw 'RA' u 'BU' rispettivament. Iktar tagħrif dwar dan ir-rebus issibuh hawnhekk.

Il-ħofra ta' l-għajn hija msejħa orbita bit-Taljan. 'Orb' tfisser 'agħmi' bir-Rumen u bil-Katalan.

Kelma mill-Ħawajjan li jaf kulħadd hija aloha. Din il-kelma tintuża prinċipalment f'tislijiet bħal 'hello' jew 'goodbye'. Oriġinarjament, din il-kelma tfisser "paċi", "kumpassjoni", "pietà", "affezzjoni" u fuq kollox, "mħabba". Fil-fatt tintuża bħall-espressjoni tagħna "Inħobbok!" ukoll. L-għerq tagħha jingħad li huwa /ʔaˈɾo.fa/, u fil-lingwi tal-pajjiżi ta' madwar u ta' ġol-Paċifiku nsibu ħafna kliem derivati minnu, fosthom aroha fil-lingwa tal-Maori, talofa fil-lingwa tas-Samoa u fakaalofa fil-lingwa Njuweja. F'ħafna lingwi il-ħoss tal-/v/ u l-verżjoni mniffsa tiegħu /f/ kif nafuhom aħna ma jeżistux; dawn jużaw xi ħoss simili tagħhom, bħal /h/, /ɦ/, /ʋ/, /β/, /p/ jew /ɸ/ minflok. Pereżempju, fil-Ġappuniż il-ħoss /f/ ma jeżistix kif ilissnuh il-Maltin u l-Ingliżi - allura kelma bħal 'Fuji' tinstema' iżjed bħal 'Huji'. Jekk wieħed iżomm dawn il-kunsiderazzjonijiet f'moħħu jinnota kemm aroha tixbah il-kelma love ta' l-Ingliż. U minn hawn nistgħu nibdew vjaġġ lingwistiku ieħor kieku.

Il-mara li tara fil-ħolm tiegħek.

Fil-lingwa Ġappuniża ma jeżistix verb li jfisser 'toħlom'. Tintuża l-espressjoni 夢を見る, letteralment "tara ħolma" minflok. 

Fost il-bqija tal-lingwi tad-dinja nsibu wkoll ħafna kliem li għandu x'jaqsam mal-ħolm li jixbah ħafna lil dak irrelatat mal-mara li ntwera qabel. Pereżempju fl-Iżlandiż insibu l-kelma draumur li titnissel min-Norveġiż l-Antik: draumr, kelma li tgħati l-oriġini lil kliem bħal 'dream' fl-Ingliż u 'Traum' fil-Ġermaniż u oħrajn bħal drøm, dröm u droom li jidhru fil-lingwi ta' l-Iskandinavja u l-viċinanzi. Insibu wkoll kliem bħal სიზsizmari fil-Ġorġjan u རྨི་ལམ rmi-lam fit-Tibetan.

Ta' min wieħed jinnota kif f'ħafna mill-kliem modern li ssemma' qabel, l-ittri 'm' u 'r' jidhru b'ordni oppost ta' tal-kliem li deher preċedentement. L-ordni fejn 'm' tidher qabel 'r' jerġa' jidher iktar spiss f'ħafna kliem li għandu tifsira semantikament opposta ta' 'ħolma', appuntu dik ta' 'ħmar il-lejl'.

Fil-maġġoranza tal-lingwi Ewropej, wieħed jista' jinnota kif il-kliem għall-'ħmar il-lejl' fih il-konsonanti 'm' u 'r' ġo fih. Fosthom insibu dak li ġie addattat mill-kelma Franċiża cauchemar, bħal koszmar fil-Pollakk, košmaar fl-Estonjan, კოშმარი košmari fil-Ġorġjan, košmaras fil-Litwanjan, кошмар fir-Russu u fil-Maċedonjan, coșmar fir-Rumen u tchôcmr bil-Walon.

Kemm il-mar ta' cauchemar u l-mare ta' nightmare huma rrelatati mall-ħeddiela, dik il-fantażma bi xbieha ta' mara li tipprova tifga lil dak li jkun matul il-lejl. Il-kelma għall-ħeddiela hija mara bl-Iżvediż, bl-Iżlandiż u b'ċerti lingwi oħra, u appuntu tidher spiss f'ħafna kliem irrelatat mall-ħolm ikrah, bħal Nachtmahr bil-Ġermaniż, nachtmerrie bl-Olandiż, noční můra biċ-Ċek, nočná mora bl-Islovakk, mardröm bl-Iżvediż, mareridt bid-Daniż, mareritt bin-Norveġiż, marra bil-Fejrowiż, martröð bl-Iżlandiż, ноћна мора bis-Serb, murgi bil-Latvjan, rémálom bl-Ungeriż, mearan-cadail bil-Gaeliku Irlandiż u trom-laighe bil-Gaeliku Skoċċiż. Ta' min iżid li l-ħeddiela hija wkoll magħrufa li tirkeb iż-żwiemel (li jixbhu l-ħmir) bil-lejl biex tgħejjihom u filgħodu tħallihom għarqana xraba.

Ċertu kliem ieħor bħal Albtraum bil-Ġermaniż u Alpdram bil-Lussemburgiż jirreferu għal tip ta' esseri simili msejjaħ 'alp', kreatura li kapaċi tbiddel l-apparenza tagħha u li tattakka matul l-irqad u toħloq ħmir il-lejl. 'Alp' hija rrelatata ma' 'elf'.

Fiex iwassalna dan mela? X'hemm x'jaqsam bejn l-imħabba, l-għajn, l-omm, il-baħar u l-ħolm? Sempliċi u t-tweġiba għal din l-aħħar mistoqsija se tiħodna lura lejn dak li għidt fil-bidu ta' dan il-post. Dawn huma kollha forma ta' oriġini jew ta' kaġun li jwasslu għal ħlieq ta' nies, ta' affarijiet, ta' avventuri u ta' stejjer. Il-ħolm joħloq idejat li jwasslu għall-progress kemm uman u teknoloġiku. Il-baħar huwa minn fejn oriġinat l-evoluzzjoni tagħna miċ-ċelluli primittivi primordjali. L-omm issawwar il-ħajja lil wildha. L-għajn tgħati bidu għax-xewqat tagħna. U l-imħabba hija l-kaġun u t-tifsira ta' dana kollu. Kollox imħabba l-imħabba. Aħna l-Maltin mbirkin li għandna kelma bħal 'mħabba' li fiha tiġbor l-essenza u r-raġuni tal-ħajja.