2010年12月27日月曜日

Catch The Wind - 馬鹿は風邪を引かない

Il-Ġappuniżi jemmnu li l-boloh biss ma jibilgħux irjiħat.

Il-ġimgħa l-oħra blajt riħ qawwi ħafna u għidt li jekk jgħaddili, nikteb xi ħaġa dwar il-koinċidenza lingwistika li nsibu fil-Malti u fil-Ġappuniż, li appuntu tirrigwarda r-riħ.

Bejn il-Malti u l-Ġappuniż, żewġ lingwi li kemm ġeografikament u kif ukoll lingwistikament jidhru distanti ħafna minn xulxin, insibu ħafna affarijiet simili. Dwar dawn nitkellem spiss ma' l-istudenti tiegħi waqt il-lezzjonijiet tagħhom, għalkemm mhux dejjem jidhru interessati li jsiru jafu iżjed. Għalhekk ukoll iddeċidejt li naqsam dan l-għerf mall-Maltin imxerrda madwar id-dinja kollha.

'Riħ' għandha ħafna tifsiriet differenti fil-Malti iżda hawnhekk se nikkonċentra fuq tnejn biss.

Fil-Malti, il-kelma 'riħ' tintuża kemm għat-tifsira ta' dak il-fenomenu atmosferiku li fl-Ingliż insejħu wind u kif ukoll ta' cold, il-marda tipikament xitwija. Naqsmu d-dinja, u fil-Ġappuniż insibu l-kelma かぜ li għandha l-istess żewġ tifsiriet bħal fil-Malti.

Għal min ma tantx kellu ċans jistudja l-lingwa affaxxinanti tal-Ġappun, il-kliem Nipponiku kollu jista' jinkiteb fonetikament bl-użu ta' sillabarji li kollettivament huma msejħin Kana かな・カナ・仮名. Però, il-biċċa l-kbira tal-kliem jinkiteb bil-karattri Ċiniżi, imsejħin Kanji 漢字 (kanji) bil-Ġappuniż, dan għaliex huwa iżjed faċli tiddistingwixxi l-omofoni bihom. Il-fonetika Ġappuniża hija limitata ħafna u għalhekk in-numru ta' kliem li jinqara u jinstema' l-istess huwa eżaġeratament kbir ħafna. Ovvjament, il-kuntest huwa dejjem iċ-ċavetta għal kollox, speċjalment fil-Ġappuniż, speċjalment fid-diskors; imma fil-kitba, il-kanji jgħinu ħafna u saħansitra jieħdu ħafn'inqas spazju wkoll.

B'mod interessanti mela, il-kelma かぜ nsibuha miktuba bil-kanji b'żewġ modi li jinqraw l-istess:


riħ         かぜ 風             wind           rjieħ (rjiħat)
riħ         かぜ 風邪         cold            rjiħat

風 huwa l-karattru kanji li jfisser appuntu 'riħ'. Meta jkun waħdu, dan il-karattru jinqara かぜ, kif ġa semmejt. Meta jingħaqad ma' karattru Ġappuniż ieħor, dan jinqara フウ jew フ. Dan qari li ġej miċ-Ċiniż: fēng.


(Qatt smajtu bil-kelma Fengshui? Il-ġeomanzija famuża Ċiniża? Ara hawn u l-aħħar tan-nota biex tkun taf iżjed.)


Meta ġew biex jabbinaw l-isem tal-marda ma' karattru Ċiniż, il-Ġappuniżi ddeċidew li jżidu l-karattru 邪 ma' dak ta' 'riħ'. 邪, li jfisser "ħażin; malinju", inżdied b'mod bħalikieku riedu jindikaw: "Le, mhux ir-riħ atmosferiku li jonfoħ; ir-riħ malinju li jġiegħlek tħossok ħażin".

Inżid li 風邪 hija formazzjoni irregolari peress li l-karattru 邪 normalment ma jinqara qatt "ぜ" u l-qari かぜ ta' 風 żgur li qatt ma jista' jinqasam fi tnejn f'か. Din ħaġa illoġika w impossibli fil-Ġappuniż. Fil-fatt kieku wieħed ried jaqra l-kelma 風邪 b'mod iżjed regolari, dan kien jaqraha フウジャ - għalkemm dan qari li ma jintuża prattikament qatt.


Din il-koinċidenza ssir ħafn'iżjed interessanti meta wieħed jinnota li kemm fl-Għarbi u l-Lhudi u kif ukoll fiċ-Ċiniż u l-Korean, i.e. il-lingwi li etimoloġikament għandhom l-iżjed vokabularju viċin tal-Malti u tal-Ġappuniż rispettivament, din il-ħaġa ma teżistix. S'issa lanqas sibt lingwa oħra fejn isseħħ l-istess koinċidenza, imma għadni ma ċċekkjajtx il-lingwi kollha.


Min jaf, xi ħadd li kellu l-paċenzja jaqra dan il-post sa l-aħħar jista' jgħidilna xi darba.

--------------------------------------------------------------------------------- 
 
Ejja naraw u nqabblu xi espressjonijiet li jiġu tradotti b'mod simili fl-lingwi oħra mill-Ġappuniż:

風が吹く             ir-riħ jonfoħ    the wind blows
風邪が流行る    ir-riħ idur        the cold goes around
風邪を引く          taqbad riħ      catch a cold


----------------------------------------------------------------------------------

※Feng-Shui hija kelma li tfisser "Riħ-Ilma" u ġejja minn frażi li bejn wieħed u ieħor tgħid:

氣乘風則散,界水則止,古人聚之使不散,行之使之有止,故謂之風水。
气乘风则散,界水则止,古人聚之使不散,行之使之有止,故谓之风水。
L-enerġija Qi tirkeb ir-riħ, u tinxtered, iżda din tinżamm meta tiltaqa' ma' l-ilma.


----------------------------------------------------------------------------------

If you are interested in this post but you can't understand the written Maltese language, there are two things you can do. You could either learn Maltese,  the most beautiful language in the world (seriously) or leave a comment. {^|^}

2010年11月27日土曜日

√Ħ-L-B-N-N - Ħalibanana - Mill-ħalib sal-banana.

Jingħad li l-aktar waħda offensiva fost in-numru kbir ta' kliem ħażin li nsibu fil-Malti hija l-kelma liba. Din tintuża b'mod dispreġjattiv sabiex nirreferu għal xi persuna diżgustuża, mimlija qżież. Illum ħafna jużawha kif ġie ġie u taraha toħroġ mill-ħalq ta' ħafna tfajliet ukoll. Tal-mistħija.

Il-kelma Maltija toriġina mill-kelma Għarbija għall-kolostru (لبا), dak l-ewwel ħalib li tipproduċi l-mara tal-mammiferi - fosthom in-nisa - fl-ewwel ftit ijiem wara li twelled iż-żgħar tagħha. Huwa appuntu tip speċjali ta' ħalib. Nista' nimmaġina żewġt iħbieb nisa jitkellmu ma' xulxin dwar dak li seħħ il-lejl ta' qabel u b'mod ewfemistiku jiddeċiedu li jirreferu għal dik il-ħaġa qisha l-ħalib li jiġi prodott wara t-tqala. Maż-żmien ma baqgħet la slang u lanqas ewfemiżmu. (Min jaf x'kienet il-kelma pastaża oriġinali...)

Ieqaf minuta. Il-kelma ħalib ukoll tixbah xi ftit din il-kelma. Bl-istess għerq √ĦLB nsibu l-kelmiet ħalibha, taħliba, maħilba, ħallibha u ħafna oħrajn ovvjament. Hemm assonanza qawwija.

Anki l-post imsejjaħ l-Imtaħleb, fil-viċinanzi tar-Rabat, huwa mnissel minn dan l-għerq. F'dan il-post kienu jrabbu ħafna baqar u kienu jipproduċu ħafna ħalib bihom.

Kemm l-isperma tar-raġel (li fl-Għarbi tissejjaħ حيوان منوي jew مَنيّ) u l-ħalib tal-mara huma ta' kulur abjad.

Fil-lingwi Semitiċi nsibu ħafna kliem bl-għerq √LBN li jirreferu għal-kulur 'abjad' jew għal xi ħaġa bl-istess kulur. Pereżempju, fl-Għarbi nsibu l-kelma لَبَن 'laban' li tfisser 'ħalib', 'jogurt' u prodotti simili oħra. Minn din tnisslet il-kelma Ingliża leban bl-istess tifsira. Tfakkarni ħafna wkoll fil-verb Ġermaniż leben (Gotiku: 𐌻𐌹𐌱𐌰𐌽) li jfisser 'to live' iżda dan suppost m'għandu etimoloġikament x'jaqsam xejn ma' dan l-għerq, minkejja l-fatt li tarbija ma tistax tagħmel leben mingħajr ma jixrob xi ftit leban. Laban huwa isem li jidher fit-Testment l-Antik tal-Bibbja.

لَبَّنَ labbana huwa verb Għarbi li jfisser "tagħmel il-briks" li tintużaw għall-bini.

Fl-Ingliż terġa' għandek il-kelma għall-abjad tal-bajd: albumen li tiġi mill-Latin, fejn il-kulur abjad kien imsejjaħ albus. Dan huwa għerq Indo-Ewropew antik ħafna iżda għandu assonanza b'saħħitha wisq ma' l-għerq Semitiku √LBN. U minn dan jitnissel ukoll il-kliemλφός mill-Grieg u 𒀠𒉺𒀸 (alpas) mill-Ħittiti, li jfissru 'abjad' it-tnejn li huma.

(Dwar l-għerq ta' ABJAD u BAJDA (li huma kliem b'għerq differenti fil-Malti) ta' min jikteb post xi darba.)

Fil-Lhudi nsibu l-kelma לָבָן lavan li tfisser 'abjad'.  
Bħall-M u n-N, il-konsonanti B/V/P/F huma relatati fonetikament u waħda spiss tinbidel fl-oħra maż-żmien - fil-fatt il-kelma Ingliża 'leave' hija relatata ma' leben.

Il-Muntanja Lebanon
Il-Libanu jieħu ismu mill-muntanja Lebanon li tgħati l-istess isem lill-pajjiż fl-Ingliż. Din muntanja li hija għolja ftit iżjed minn tlett kilometri li spiss tkun miksija bajda bis-silġ. Kultant dan is-silġ jinżel bl-istess mod ġelat bil-vanilla jinħall u jċarċar fuq idek fis-sajf. L-isem Għarbi tagħha huwa جبل لبنان.

Inħobbuk!
Il-kumpanija Maltija li tipproduċi l-ħalib hija l-BENNA l-għażiża. L-għerq ta' din il-kelma huwa √BNN, sekwenza ta' konsonanti li nsibu fl-isem tal-muntanja لبنان: L-B-N-N. Il-kelma 'benna' tfisser 'flavour'; 'savour' u mill-istess għerq noħorġu l-verb bennen li fl-Ingliż insarrfu f''to flavour; to improve the taste of (something)' u l-kelma bnin li tfisser 'delicious; palatable' skont id-dizzjunarju konċiż ta' Aquilina様. Però, bennen huwa wkoll verb li jirreferi għad-dendil li ġenitur jagħmel lit-tarbija tiegħu meta din tkun fil-benniena jew fuq id-dirgħajn.

It-tifsira ta' bnin tfakkar wisq f'benign, bonanza, bonny, bonus u buono. Imma din storja oħra. Però ta' min isemmi xi kliem li nsibu fl-Eġizzjan l-Antik wkoll, fejn hemm il-kelma ḥεd.t li tfisser 'ħalib', ḥεd.t oħra li tfisser "abjad; dak kollu li jixgħel u jiddi", wbεli tfisser "idda; xegħel", wbεn li tfisser "illumina; idda; tlugħ u nżul ix-xemx", bεnἰ.t li tfisser "ħlewwa", bεn li tfisser "għammar (amore?); ħexa" u bεnw li tfisser "maskil; raġel"; u fejn naraw li l-idejat tal-ħalib, tal-bjuda, tad-dawl, tax-xemx, tal-ħlewwa, tal-maskulinità u tas-sess jitħalltu u jingħaqdu ma' xulxin permezz tas-semantika u l-assonanza u joħolqu konnessjoni.

(Kelma bl-Eġizzjan l-Antik interessanti oħra hija rεbw li huwa l-isem li bih kienu jsejħu l-Libja. Diffiċli tgħid eżatt x'inhi t-tifsira ta' Libja, għalkemm fl-istess lingwa rεbw hija kelma għal 'iljun' - dan huwa għerq antik ħafna. 'Iljun' naraha tixbah xi ftit 'Libjun'. Wieħed jista' jkompli jqabbel ma' לָבִיא 'lava' fil-Lhudi u ⲗⲁⲃⲟⲓ 'lavoi' fil-Kottiku. Mela nissoponi li f'dan il-każ m'hemmx konnessjoni mal-bjuda jew il-ħalib. Għalkemm jekk naħseb f'iljun u l-kulur abjad jiġini f'moħħi Kimba/Simba. Ħaġa interessanti immens ukoll hija li, bħal لبا, l-isem Għarbi tal-Libja, ‏ليبيا, huwa wieħed mill-ftit kliem palindromiċi li nsibu bl-iskritt kursiv ta' l-Għarab. Il-kliem li jibda' b'L u li jispiċċa b'A biss jista' ikun palindromiku hemmhekk.

Meta kont għadni mmur l-iskola Malta kont nisma' ħafna tfal jgħajru lil xi ħadd "Ja Libjan!" jonkella "A libja!" b'mod ewfemistiku.)

Fil-Malti, 'lgħab' hija kelma oħra għal 'bżieq'.

Il-karattru Ċiniż għal abjad huwa dan: . Dak ta' xemx huwa: .
X'inhu l-abjad jekk mhuwiex il-kulur ta' raġġ li jinżel bħal qatra mix-xemx?

Affarijiet li jinbtu u li jitwieldu minna, iben jew bint li ġibna fid-dinja, ukoll jidhru li jaqsmu din l-assonanza fonetika.

Dawn intellawhom bħal bini sabiex jilħqu l-ogħla aspirazzjonijiet fil-ħajja tagħhom u sabiex huma wkoll isiru membri beninji tas-soċjetà, bennejja ta' familja u possessuri ta' beni kemm materjali u mhux.


U jekk naħseb x'jista' jseħħ f'benniena jew waqt it-tbennin fuq id-dirgħajn, nimmaġina omm u missier jilgħabu mat-tarbija tagħhom. Kemm-il darba rajna tarbija u tajnieha seba' minn tagħna u din rasset idejha miegħu bis-saħħa kollha li għandha?


Fil-ħajja ftit hemm mumenti li huma isbaħ minn dak.


Jien ma nsegwi l-ebda reliġjon partikolari iżda kollha jinteressawni. Kont qrajt il-Quran ukoll, u kelma li laqtitni ħafna kienet dik li rajt f'dan il-vers:


.قَادِرِينَ عَلَىٰ أَنْ نُسَوِّيَ بَنَانَهُ
qādirīna ʿalā an nusawwiya banānahu
"Aħna kapaċi saħansitra nsewwu l-ponot ta' subajh." [K75V4K6]


Fl-Għarbi insibu kelma bl-għerq √BNN li minnha toħroġ il-kelma femminili بَنَانَةٌ banānaẗuⁿ (bil-plural: بَنَانٌ banānuⁿ) li tfisser appuntu 'ponta tas-seba''. (Kelma oħra fil-Quran bl-istess tifsira hija اَنَامِلَ.) Nissoponi li fhimtu fejn irrid nasal.

Hekk hu, dil-kelma tixbah xi ftit wisq lill-kelma banana. Meta tarahom jikbru, faċilment jistħajjilhom swaba' dawn il-bananiet. Aħna addottajna l-kelma mill-Ingliż jew mit-Taljan. Fl-Ewropa, il-banana bdiet tiġi impurtata mill-Afrika mill-Portugiżi li sal-lum għandhom artijiet hemmhekk. Jingħad li l-kelma 'banana' ultimament tiġi mill-Wolof, lingwa tal-poplu Wolof li jikkomprendi kważi nofs il-popolazzjoni tas-Senegal. Dan il-pajjiż jinstab wisq viċin ta' l-Afrika ta' Fuq biex ma jiġix influwenzat xi ftit mill-Għarbi.

Ħalib, liba, leban, benna, benniena, bnin, bonanza, bennen, banana. Dan il-kliem probabbilment mhux kollu huwa rrelatat ma' l-ieħor imma tkun ħaġa sabiħa li kieku hekk għax li għandna bżonn bħalissa huwa propju li niftakru li taħt is-sema, aħna m'aħna xejn ħlief familja waħda, mbennin u mreddgħin minn din id-dinja li tilqagħna temporanjament.

2010年6月4日金曜日

Jekk - If - Se - 若し by Oliver Friġġieri オリバー・フリッジーリ

The other day, a Japanese friend of mine was wondering what's written on the new bus stop stages that are being installed around the islands of Malta. She couldn't find a translation on the internet so this is my gift to her.

My generation know about this poem since their school days but as far as I am concerned I have only now come to deeply appreciate and love it.

Translating poems is the epitome of the art of translation and I also know that translations can always be improved. Yet I hope that you will still be able to enjoy this one wonderful example of Maltese poetry.



Jekk tifhem x'jgħidu l-kwiekeb
lill-qamar tul il-lej',
jekk tagħraf minn fejn telaq
is-sħab, fejn sejjer, fej',

                                 If you understand what the stars say
                                 to the moon during the night,
                                 if you know from where left
                                 the clouds, where they are going, where,

                                                                  Se capisci quello che dicono le stelle
                                                                  alla luna durante la notte,
                                                                  se riconosci da dove sono partite
                                                                  le nuvole, per dove, dove,

jekk tirfes kull mogħdija
u tterraq kullimkien,
jekk tkellem lil kull ħlejqa
li tikber fil-ħolqien,

                                 if you step on every passage
                                 and beat everywhere,
                                 if you speak to every creature
                                 that grows in creation,

                                                                  se calpesti ogni sentiero
                                                                  e batti ovunque,
                                                                  se parli ad ogni creatura
                                                                  che cresce nel creato,

jekk togħdos fl-ibħra kollha
u tmiss qiegħ l-oċean,
jekk titla' kull muntanja
u titfi kull vulkan,

                                 if you dive in all the seas
                                 and you touch the bottom of the ocean,
                                 if you climb every mountain
                                 and blow out every volcano,

                                                                  se ti tuffi in ogni mare,
                                                                  e tocchi il fondo dell'oceano,
                                                                  se scali ogni montagna,
                                                                  e spegni ogni vulcano,

jekk tifhem lil kull siġra
u tkellem lil kull fjur,
jekk torqod ma' kull dudu
u tqum ma' kull għasfur,

                                 if you understand every tree
                                 and speak to every flower,
                                 if you sleep with every worm
                                 and wake up with every bird,

                                                                  se capisci ogni albero
                                                                  e parli ad ogni fiore,
                                                                  se dormi con ogni bruco
                                                                  e ti svegli con ogni uccello,

jekk tgħodd in-numri kollha
u taf kull alfabett,
jekk tħott kull teorema
u żżarma kull kunċett,

                                 if you count all the numbers
                                 and know every alphabet,
                                 if you unwind every theorem
                                 and dismantle every concept,

                                                                  se conti tutti i numeri
                                                                  e conosci ogni alfabeto,
                                                                  se sciogli ogni teorema
                                                                  e smonti ogni concetto,

jekk togħxa b'kull tbissima
u tokrob b'kull uġigħ,
jekk toftoq il-kliem kollu
u ssib is-sens li fih,

                                 if you swoon with every smile
                                 and you groan with every pain,
                                 if you dissect all the words
                                 and find the sense in them,

                                                                  se ti spellichi con ogni sorriso
                                                                  e ti lamenti con ogni dolore,
                                                                  se sezioni tutte le parole
                                                                  e trovi il senso in esse,

jekk taf kif kien il-bidu
u kif se jkun it-tmiem,
jekk taf kull fuq, kull isfel,
kull wara, kull quddiem,

                                 if you know how the beginning was
                                 and how the end will be,
                                 if you know all ups, all downs,
                                 all behinds, all fronts,

                                                                  se sai come fù l'inizio
                                                                  e come sarà la fine,
                                                                  se conosci ogni su, ogni giù,
                                                                  ogni dietro, ogni davanti,

jekk taf għaliex kull għabex
iżelleġ kull żerniq,
jekk taf kemm hija twila,
kemm twila, twila t-triq,

                                 if you know why every twilight
                                 smears every dawn,
                                 if you know how long,
                                 how long, long is the road,

                                                                  se sai perché ogni crepuscolo
                                                                  imbratta ogni alba,
                                                                  se sai quanto è lunga,
                                                                  quanto lunga, lunga è la strada,

jekk taf għaliex l-iżbalji,
u taf x'inhu perfett,
jekk taf għax serp jitkaxkar
u għax itir farfett,

                                 if you know why mistakes are made,
                                 and know what is perfect,
                                 if you know why a snake crawls
                                 and why a butterfly flies,

                                                                  se sai il perché degli sbagli
                                                                  e sai cosa è perfetto,
                                                                  se sai perché il serpente striscia
                                                                  e perché una farfalla vola,

jekk ittawwalt iżżejjed
fuq xifer il-ġibjun
tal-qalb biex issa ttella'
bis-satal x'hemm midfun,

                                 if you looked out too much
                                 on the edge of the reservoir
                                 of the heart so to now lift
                                 with the pail what's buried underneath,

                                                                  se ti sei affacciato troppo
                                                                  sull'orlo della cisterna
                                                                  del cuore per ora tirare su
                                                                  col bigonciolo quello che c'è sotto,

jekk il-maltemp sikkittu
u lill-irjieħ raqqadt,
jekk l-ilmijiet nixxifthom
u lin-nirien qabbadt,

                                 if you silenced the storms,
                                 and lulled the winds,
                                 if you dried the waters,
                                 and set the fires,

                                                                  se hai azzittito le tempeste,
                                                                  e hai addormentato i venti,
                                                                  se hai prosciugato le acque,
                                                                  e hai accesso i fuochi,

jekk fhimt kull mistoqsija
u jekk kull ħalfa ħlift,
u jekk kull rebħa rbaħtha
u jekk kull telfa tlift,

                                 if you understood every question
                                 and if you swore every imprecation,
                                 and if you won every win,
                                 and if you lost every loss,

                                                                  se hai capito ogni domanda,
                                                                  e se hai imprecato ogni imprecazione,
                                                                  e se hai vinto ogni vittoria,
                                                                  e se hai perso ogni perdita,

il-pètali tal-warda
waqgħulek minn idejk,
dan l-univers itektek
inqasam hemm, f'riġlejk.

                                 the petals of the rose
                                 fell off from your hands,
                                 this ticking universe
                                 broke down there, on your knees.

                                                                  i petali della rosa
                                                                  ti sono caduti dalle tue mani,
                                                                  questo universo battente
                                                                  si è rotto là, sulle tue ginocchia.

Il-ħajja mistoqsija
miġbura f'elf għaliex,
u ssirlek poeżija
jekk int ma tweġibhiex.

                                 Life is a question
                                 collected into a thousand whys,
                                 and it becomes a poem for you
                                 if you do not answer it.

                                                                  La vita è una domanda
                                                                  raccolta in mille perché,
                                                                  e ti diventa una poesia
                                                                  se tu non la rispondi.