2010年11月27日土曜日

√Ħ-L-B-N-N - Ħalibanana - Mill-ħalib sal-banana.

Jingħad li l-aktar waħda offensiva fost in-numru kbir ta' kliem ħażin li nsibu fil-Malti hija l-kelma liba. Din tintuża b'mod dispreġjattiv sabiex nirreferu għal xi persuna diżgustuża, mimlija qżież. Illum ħafna jużawha kif ġie ġie u taraha toħroġ mill-ħalq ta' ħafna tfajliet ukoll. Tal-mistħija.

Il-kelma Maltija toriġina mill-kelma Għarbija għall-kolostru (لبا), dak l-ewwel ħalib li tipproduċi l-mara tal-mammiferi - fosthom in-nisa - fl-ewwel ftit ijiem wara li twelled iż-żgħar tagħha. Huwa appuntu tip speċjali ta' ħalib. Nista' nimmaġina żewġt iħbieb nisa jitkellmu ma' xulxin dwar dak li seħħ il-lejl ta' qabel u b'mod ewfemistiku jiddeċiedu li jirreferu għal dik il-ħaġa qisha l-ħalib li jiġi prodott wara t-tqala. Maż-żmien ma baqgħet la slang u lanqas ewfemiżmu. (Min jaf x'kienet il-kelma pastaża oriġinali...)

Ieqaf minuta. Il-kelma ħalib ukoll tixbah xi ftit din il-kelma. Bl-istess għerq √ĦLB nsibu l-kelmiet ħalibha, taħliba, maħilba, ħallibha u ħafna oħrajn ovvjament. Hemm assonanza qawwija.

Anki l-post imsejjaħ l-Imtaħleb, fil-viċinanzi tar-Rabat, huwa mnissel minn dan l-għerq. F'dan il-post kienu jrabbu ħafna baqar u kienu jipproduċu ħafna ħalib bihom.

Kemm l-isperma tar-raġel (li fl-Għarbi tissejjaħ حيوان منوي jew مَنيّ) u l-ħalib tal-mara huma ta' kulur abjad.

Fil-lingwi Semitiċi nsibu ħafna kliem bl-għerq √LBN li jirreferu għal-kulur 'abjad' jew għal xi ħaġa bl-istess kulur. Pereżempju, fl-Għarbi nsibu l-kelma لَبَن 'laban' li tfisser 'ħalib', 'jogurt' u prodotti simili oħra. Minn din tnisslet il-kelma Ingliża leban bl-istess tifsira. Tfakkarni ħafna wkoll fil-verb Ġermaniż leben (Gotiku: 𐌻𐌹𐌱𐌰𐌽) li jfisser 'to live' iżda dan suppost m'għandu etimoloġikament x'jaqsam xejn ma' dan l-għerq, minkejja l-fatt li tarbija ma tistax tagħmel leben mingħajr ma jixrob xi ftit leban. Laban huwa isem li jidher fit-Testment l-Antik tal-Bibbja.

لَبَّنَ labbana huwa verb Għarbi li jfisser "tagħmel il-briks" li tintużaw għall-bini.

Fl-Ingliż terġa' għandek il-kelma għall-abjad tal-bajd: albumen li tiġi mill-Latin, fejn il-kulur abjad kien imsejjaħ albus. Dan huwa għerq Indo-Ewropew antik ħafna iżda għandu assonanza b'saħħitha wisq ma' l-għerq Semitiku √LBN. U minn dan jitnissel ukoll il-kliemλφός mill-Grieg u 𒀠𒉺𒀸 (alpas) mill-Ħittiti, li jfissru 'abjad' it-tnejn li huma.

(Dwar l-għerq ta' ABJAD u BAJDA (li huma kliem b'għerq differenti fil-Malti) ta' min jikteb post xi darba.)

Fil-Lhudi nsibu l-kelma לָבָן lavan li tfisser 'abjad'.  
Bħall-M u n-N, il-konsonanti B/V/P/F huma relatati fonetikament u waħda spiss tinbidel fl-oħra maż-żmien - fil-fatt il-kelma Ingliża 'leave' hija relatata ma' leben.

Il-Muntanja Lebanon
Il-Libanu jieħu ismu mill-muntanja Lebanon li tgħati l-istess isem lill-pajjiż fl-Ingliż. Din muntanja li hija għolja ftit iżjed minn tlett kilometri li spiss tkun miksija bajda bis-silġ. Kultant dan is-silġ jinżel bl-istess mod ġelat bil-vanilla jinħall u jċarċar fuq idek fis-sajf. L-isem Għarbi tagħha huwa جبل لبنان.

Inħobbuk!
Il-kumpanija Maltija li tipproduċi l-ħalib hija l-BENNA l-għażiża. L-għerq ta' din il-kelma huwa √BNN, sekwenza ta' konsonanti li nsibu fl-isem tal-muntanja لبنان: L-B-N-N. Il-kelma 'benna' tfisser 'flavour'; 'savour' u mill-istess għerq noħorġu l-verb bennen li fl-Ingliż insarrfu f''to flavour; to improve the taste of (something)' u l-kelma bnin li tfisser 'delicious; palatable' skont id-dizzjunarju konċiż ta' Aquilina様. Però, bennen huwa wkoll verb li jirreferi għad-dendil li ġenitur jagħmel lit-tarbija tiegħu meta din tkun fil-benniena jew fuq id-dirgħajn.

It-tifsira ta' bnin tfakkar wisq f'benign, bonanza, bonny, bonus u buono. Imma din storja oħra. Però ta' min isemmi xi kliem li nsibu fl-Eġizzjan l-Antik wkoll, fejn hemm il-kelma ḥεd.t li tfisser 'ħalib', ḥεd.t oħra li tfisser "abjad; dak kollu li jixgħel u jiddi", wbεli tfisser "idda; xegħel", wbεn li tfisser "illumina; idda; tlugħ u nżul ix-xemx", bεnἰ.t li tfisser "ħlewwa", bεn li tfisser "għammar (amore?); ħexa" u bεnw li tfisser "maskil; raġel"; u fejn naraw li l-idejat tal-ħalib, tal-bjuda, tad-dawl, tax-xemx, tal-ħlewwa, tal-maskulinità u tas-sess jitħalltu u jingħaqdu ma' xulxin permezz tas-semantika u l-assonanza u joħolqu konnessjoni.

(Kelma bl-Eġizzjan l-Antik interessanti oħra hija rεbw li huwa l-isem li bih kienu jsejħu l-Libja. Diffiċli tgħid eżatt x'inhi t-tifsira ta' Libja, għalkemm fl-istess lingwa rεbw hija kelma għal 'iljun' - dan huwa għerq antik ħafna. 'Iljun' naraha tixbah xi ftit 'Libjun'. Wieħed jista' jkompli jqabbel ma' לָבִיא 'lava' fil-Lhudi u ⲗⲁⲃⲟⲓ 'lavoi' fil-Kottiku. Mela nissoponi li f'dan il-każ m'hemmx konnessjoni mal-bjuda jew il-ħalib. Għalkemm jekk naħseb f'iljun u l-kulur abjad jiġini f'moħħi Kimba/Simba. Ħaġa interessanti immens ukoll hija li, bħal لبا, l-isem Għarbi tal-Libja, ‏ليبيا, huwa wieħed mill-ftit kliem palindromiċi li nsibu bl-iskritt kursiv ta' l-Għarab. Il-kliem li jibda' b'L u li jispiċċa b'A biss jista' ikun palindromiku hemmhekk.

Meta kont għadni mmur l-iskola Malta kont nisma' ħafna tfal jgħajru lil xi ħadd "Ja Libjan!" jonkella "A libja!" b'mod ewfemistiku.)

Fil-Malti, 'lgħab' hija kelma oħra għal 'bżieq'.

Il-karattru Ċiniż għal abjad huwa dan: . Dak ta' xemx huwa: .
X'inhu l-abjad jekk mhuwiex il-kulur ta' raġġ li jinżel bħal qatra mix-xemx?

Affarijiet li jinbtu u li jitwieldu minna, iben jew bint li ġibna fid-dinja, ukoll jidhru li jaqsmu din l-assonanza fonetika.

Dawn intellawhom bħal bini sabiex jilħqu l-ogħla aspirazzjonijiet fil-ħajja tagħhom u sabiex huma wkoll isiru membri beninji tas-soċjetà, bennejja ta' familja u possessuri ta' beni kemm materjali u mhux.


U jekk naħseb x'jista' jseħħ f'benniena jew waqt it-tbennin fuq id-dirgħajn, nimmaġina omm u missier jilgħabu mat-tarbija tagħhom. Kemm-il darba rajna tarbija u tajnieha seba' minn tagħna u din rasset idejha miegħu bis-saħħa kollha li għandha?


Fil-ħajja ftit hemm mumenti li huma isbaħ minn dak.


Jien ma nsegwi l-ebda reliġjon partikolari iżda kollha jinteressawni. Kont qrajt il-Quran ukoll, u kelma li laqtitni ħafna kienet dik li rajt f'dan il-vers:


.قَادِرِينَ عَلَىٰ أَنْ نُسَوِّيَ بَنَانَهُ
qādirīna ʿalā an nusawwiya banānahu
"Aħna kapaċi saħansitra nsewwu l-ponot ta' subajh." [K75V4K6]


Fl-Għarbi insibu kelma bl-għerq √BNN li minnha toħroġ il-kelma femminili بَنَانَةٌ banānaẗuⁿ (bil-plural: بَنَانٌ banānuⁿ) li tfisser appuntu 'ponta tas-seba''. (Kelma oħra fil-Quran bl-istess tifsira hija اَنَامِلَ.) Nissoponi li fhimtu fejn irrid nasal.

Hekk hu, dil-kelma tixbah xi ftit wisq lill-kelma banana. Meta tarahom jikbru, faċilment jistħajjilhom swaba' dawn il-bananiet. Aħna addottajna l-kelma mill-Ingliż jew mit-Taljan. Fl-Ewropa, il-banana bdiet tiġi impurtata mill-Afrika mill-Portugiżi li sal-lum għandhom artijiet hemmhekk. Jingħad li l-kelma 'banana' ultimament tiġi mill-Wolof, lingwa tal-poplu Wolof li jikkomprendi kważi nofs il-popolazzjoni tas-Senegal. Dan il-pajjiż jinstab wisq viċin ta' l-Afrika ta' Fuq biex ma jiġix influwenzat xi ftit mill-Għarbi.

Ħalib, liba, leban, benna, benniena, bnin, bonanza, bennen, banana. Dan il-kliem probabbilment mhux kollu huwa rrelatat ma' l-ieħor imma tkun ħaġa sabiħa li kieku hekk għax li għandna bżonn bħalissa huwa propju li niftakru li taħt is-sema, aħna m'aħna xejn ħlief familja waħda, mbennin u mreddgħin minn din id-dinja li tilqagħna temporanjament.

0 件のコメント: