2013年11月3日日曜日

Imħabba L-Imħabba

Jiena moħħ li jaħseb spiss fl-imħabba, anzi, nista' ngħid li jien prattikament fl-imħabba biss naħseb. Dan għaliex jiena wieħed minn dawk li jemmen li fil-ħajja, kollox huwa rriżultat jew ikkaġunat mill-preżenza jew min-nuqqas ta' mħabba. In-nuqqas ta' kontroll u ta' intelliġenza spiss jiġu mill-eċċess jew mill-assenza ta' imħabba.

Fil-Malti, 'minħabba' (minn+ħabba) hija prepożizzjoni li tindika kawża. Normalment jingħad li etimoloġikament din titnissel mill-espressjoni 'minn mħabba' jew inkella minn forma ta' 'mħabba' li nħolqot mill-kumparazzjoni ta' din il-kelma ma' kliem bħal minbarra u minkejja. Iżda fil-Malti, mbarra hija taqsira ta' minbarra (minn+barra), mhux il-kontra.

X'inhi tarbija jekk mhux ir-riżultat ta' mħabba? 
X'inhi gwerra jekk mhux in-nuqqas ta' mħabba?

"Iħobbha daqs il-ħabba t'għajnejh", jgħid il-Malti. Jekk neqilbuha għall-passat, din l-istess sentenza tiġi hekk: "Ħabbha daqs il-ħabba t'għajnejh", u wieħed jista' jinnota immedjatament l-omofoniċità li hemm bejn 'ħabbha' u 'ħabba'. Iżda dan mhuwiex l-uniku każ fejn is-sentiment ta' l-imħabba u l-organu ta' l-għajn huma relatati ma' xulxin.

Fil-fatt, l-iskop ta' dan il-post huwa li nuri dawk l-assonanzi u l-konnessjonijiet li ltqajt magħhom bejn kliem li jirreferu għall-imħabba, l-għajn u kif ukoll il-mara u l-baħar u dak kollu li jista' jinstab bejniethom.

Dante, fl-aħħar vers ta' l-aħħar kantika tad-Divina Commedia jgħid: "L'amor che move il sole e l'altre stelle". Dan il-vers - personalment l-isbaħ wieħed, flimkien ma' dawk tal-Ħames Kant ta' l-Infern - juri kif, l-imħabba, bħal dik tal-gravità, hija forza, u hija l-ikbar waħda fl-univers. Imbagħad parafrażi ċelebri minn diskors ta' Platun tgħid li "l-imħabba tinstab fil-għajn ta' min qed iħares." L-osservazzjoni u l-apprezzament tas-sbuħija hija dejjem ħaġa suġġettiva. Dak li huwa sabiħ għalija jista' jkun li mhuwiex sabiħ għal ħaddieħor.

Raġel jara mara. Mara tara raġel. U minn dad-daqqtejn t'għajn tinbet imħabba.

Kemm fiċ-Ċiniż u fil-Ġappuniż, il-karattru għall-imħabba huwa . Dan huwa kompost minn dawn l-elementi primittivi: 爪 'dwiefer' + 冖 'saqaf' + 心 'qalb' + 夂 'xitwa'. L-imħabba huwa dak is-sentiment li jġiegħlek tiggranfa bid-dwiefer ma' xi ħadd taħt is-saqaf ta' kamra f'lejla xitwija, qalb ma' qalb. F'dawn iż-żewġ lingwi, dan il-karattru jinqara 'ài' jew 'アイ ai', li appuntu jinstemgħu bħad-dittong Malti 'aj'. Apparti għall-pronom prinċipali tal-lingwa Ingliża 'I', dan il-ħoss huwa identiku għall-kelma Ingliża għall-għajn: eye. Il-kelma għajn u eye jixtiebhu ħafna wkoll.
Bil-karattri Ċiniżi, għajn tinkiteb hekk: . Hija appuntu stampa ta' l-organu tal-vista. Tidher kemm id-dawra ta' l-għajn (li matul il-millenji saret kwadra), kif ukoll il-ħabba ġo fiha. Imbagħad naraw l-ideografu li jfisser 'ħars' li huwa dan: , għajn 目 b'par saqajn umani 儿. Dak li wieħed jagħmel b'għajnejh meta jdur id-dinja fuq saqajh huwa li jħares madwaru u lejn il-ġmiel li din toffri. Dan il-karattru jintuża fil-Ġappuniż ukoll, fejn insibu l-verb 見る li jfisser 'ra'. 見る jinqara み・る miru. F'ċertu kuntesti partikolari, jintużaw 観る, 視る jew 看る minflok 見る, għalkemm kollha jinqraw bl-istess mod. Miru hija l-anagramma tal-kelma Maltija muri.

F'ħafna lingwi oħrajn Ewropej nistgħu ninnutaw kemm huma numerużi l-kliem li huma rrelatati mal-ħars bil-ħsejjes ta' l-/m/ u ta' l-/r/ ġo fihom. Fost oħrajn insibu mira (Malti/Taljan), miraklu/miracle/miracolo u ammira/admire/ammirare miraġġ/mirage/miraggio. Insibu wkoll mera/mirror fejn b'mod stramb ħafna naraw li fit-Taljan ma tintużax kelma b'/m/ u /r/ bl-istess tifsira. Għalkemm insibu kliem meraviljuż bħal mirabile, mirando, mirifico u mirino.

Mera bit-Tork hija ayna, kelma li hija rrelatata mal-kelma آینه âyne tal-Farsi (jew Persjan) u ma' оина‍ tat-Taġik. Dan il-kliem kollu jfakkar fil-ħoss tal-kelma 'għajn'.

Bħalma jgħidu ħafna kanzunetti, l-imħabba tweġġa'.

L-ewwel rajna kif il-kelma Ċiniża/Ġappuniża għall-imħabba qisha l-interjezzjoni ta' l-uġigħ (ajma) li ssib  f'bosta lingwi: ahia (Taljan), ay (Spanjol), aïe (Franċiż), ай (Russu), jaj (Ungeriż) u 아야 (Korean); dik tal-maġġoranza tal-lingwi tad-dinja, il-kelma għall-'imħabba' hija waħda ratba u ġentili. Fiha kważi dejjem insibu l-ħoss ta' konsonanti likwida: amore (Taljan), amour (Franċiż), amor (Latin, Spanjol, Portugiż, Rumen) u love (Ingliż), Liebe (Ġermaniż), любовь (Russu) u elska (Islandiż), láska (Ċekk), älska (Żvediż).

Fil-Malti, l-għerq rumanz ta' amore nsibuh f'kliem bħal 'namra', 'namur' u 'innamra'. B'mod interessanti ħafna, nsibu wkoll l-għerq Semitiku GĦ-M-R f'kliem bħal 'għammar' jew 'tgħammar', li apparti għall-koabitazzjoni u r-residenza (li wieħed missu jqabbel ma' dimora, le mura di casa, むら 【村】 mura 'villaġġ', eċċ), jirreferi spiss għall-akkoppjament ta' l-annimali.

Isem komuni ħafna madwar id-dinja huwa 'Mary'. F'Malta kulħadd jaf xi ħadd li jismu Marija jew forma alternattiva ta' dan l-isem bħal Mariah, Marica, Miriam, Mirielle u Moira - il-lista ma tispiċċa prattikament qatt. Fl-Eġizzjan l-Antik, il-kelma għall-imħabba hija 'mer', u l-verb 'ħabb' huwa 'mer(ỉ)'. Jingħad li l-isem Marija jew Mary huwa rrelatat ma' din il-kelma. F'xi kuntesti partikolari 'meri' tista' tfisser "(li) jien inħobb" jew "maħbuba".

Fl-Eġizzjan Antik, kelma għall-ħabba ta' l-għajn hija 'merit' u dik għall-għajn jew l-għajnejn hija 'mert'.

Fil-Ġappuniż insibu l-kelma ムラムラ (li tista' tinkiteb b'żewġ modi bil-kanji: 群群 u 叢叢). Tinqara 'muramura' u hija kelma mimetika, jiġifieri kelma li timita xi tip ta' sensazzjoni jew stat mentali. ムラムラ tintuża meta persuna, ġeneralment raġel, iħoss xi forma ta' eċċitament sesswali.

Fil-ħajja m'hemm xejn aqwa mill-imħabba ta' mara.

Ovvjament, jekk nirraġunaw bil-Malti, l-ewwel kelma li wieħed tiġih f'moħħu li fiha l-konsonanti /m/ u /r/ hija l-kelma mara. L-essenza ta' l-imħabba hija l-mara. Meta raġel iħobb mara, dan normalment iżewwiġha u jagħmel omm minnha. Żwieġ huwa marriage bl-Ingliż, mariage bil-Franċiż u martesë bl-Albaniż u omm hija mêre bil-Franċiż, mare bil-Katalan u مور /mur/ bl-Afgan. Il-kelma matrimonio li nsibu fit-Taljan turina b'mod ċar ir-relazzjoni li hemm bejn il-maternità u l-ħames Sagrament; marito tfisser 'husband' filwaqt li marti tfisser 'my wife'.

Il-mara taż-żiemel, id-debba, hija msejħa mare bl-Ingliż, kelma li hawn min jużaha biex jirreferi għal mara li ġġib ruħha b'mod stupidu. Bl-Islandiż, debba hija meri, bl-Olandiż merrie u bl-Iżvediż märr. Il-kelma Ġermaniża Mähre tirreferi għal debba avvanzata fl-età. Fil-Persjan Nofsani konna nsibu l-kelma ماتك mātak li tfisser 'mara; annimal ta' sess femminili'; li llum insibuha fil-forma ta' ماده mād(d)e - l-istess kelma tintuża għal 'materjal'. Fit-Tork medek għadha tintuża speċifikatament għall-mara tal-buflu. Din hija rrelatata mal-kelma Armena մատակ matak li tfisser kemm 'mara; annimal ta' sess femminili' kif ukoll 'mara tal-buflu' u 'debba'. L-anagramma (jew metateżi?) ta' matak, matka, tfisser 'omm' fiċ-Ċekk, fil-Polakk u fl-Islovakk.

Fit-Taljan, il-plural ta' mare huwa mari. Fid-djaletti ta' l-Italja nsibu alternanza fit-tifsira tal-kelma mari. F'Sardinja u Sqallija, fejn tintuża kemm fis-singular u l-plural, mari hija kelma li tfisser 'baħar', filwaqt li fil-Friuli l-istess kelma tfisser 'omm'. Wieħed ma jridx jinsa li fl-Għarbi l-ilma huwa msejjaħ ماء ma li huwa l-mod kif il-biċċa l-kbira tan-nies isejħu lil ommhom madwar id-dinja kollha. Omm Alla jisimha Marija.

Kunjom komuni ħafna fl-Amerka huwa M(a)cNamara. Dan għandu orġini Irlandiża u l-forma oriġinali Mac Conmara (Conmhaícne Mara) tiegħu tfisser "persegwituri tal-baħar". Fil-ġżira ta' Skye, fl-Iskozja, insibu wiski li jismu Mac na Mara li letteralment ifisser "iben il-baħar". Eżattament bħal 'Bin-', 'Fitz-' u 'Kil-', 'Mac-' huwa prefiss li jfisser 'iben' li wieħed spiss jiltaqa' miegħu fil-kunjomijiet u l-kelma 'na' tirreferi għall-artiklu definit 'il-'. Iżda l-kelma interessanti hija 'mara', li hawnhekk tfisser 'baħar'.

Fil-lingwa ta' l-Armenja, kelma oħra li tirreferi għal annimal ta' sess femminili hija մարի mari, li normalment tiġi assoċjata ma' għasafar. մարի hija kelma antika ħafna u hija rrelatata ma' kliem antik ieħor, bħal μεῖραξ mrax mill-Grieg l-Antik, li tfisser 'tfajla' jew aħjar, 'mara li għadha mhix matura'. Kuntrarjament, fis-Sanskritu मर्य marya tfisser 'tfajjel' jew 'raġel li għadu mhux matur'. L-għerq Proto Indo-Ewropew *meri̯o- jirreferi kemm għal tfajjel u tfajla. Bil-Welx march huwa 'żiemel' filwaqt li merch hija 'bint', 'tifla' jew 'xbejba' u fl-ilsien il-qadim ta' Cornwall jinstabu kliem bħal myrgh, mergh bl-istess l-aħħar tlett tifsiriet. Fid-djalett Brittanju ta' Franza insibu merc'h 'bint; tfajla' u merc'hig 'tfajla żgħira'. Fil-lingwa ta' Wales, morwyn hija kelma li tirreferi għal tfajla li għadha verġni.

Hemm ħafna xebh bejn pari ta' konsonanti likwidi bħal /l/ u /r/ jew konsonanti bilabjali bħal /b/ u /v/. Jekk wieħed jeqleb il-kelma 'love' bil-katakana (is-sillabarju Ġappuniż li jintuża għat-teqlib ta' kliem barrani), din tiġi ラブ 'rabu'. F'din id-diska nistgħu niltaqgħu ma' logħba b'dan il-fatt u naraw kif 目矢羅部 tfisser 'I love you', fejn 羅部 tfisser 'mħabba' peress li dawn iż-żewġ karattri jinqraw 'RA' u 'BU' rispettivament. Iktar tagħrif dwar dan ir-rebus issibuh hawnhekk.

Il-ħofra ta' l-għajn hija msejħa orbita bit-Taljan. 'Orb' tfisser 'agħmi' bir-Rumen u bil-Katalan.

Kelma mill-Ħawajjan li jaf kulħadd hija aloha. Din il-kelma tintuża prinċipalment f'tislijiet bħal 'hello' jew 'goodbye'. Oriġinarjament, din il-kelma tfisser "paċi", "kumpassjoni", "pietà", "affezzjoni" u fuq kollox, "mħabba". Fil-fatt tintuża bħall-espressjoni tagħna "Inħobbok!" ukoll. L-għerq tagħha jingħad li huwa /ʔaˈɾo.fa/, u fil-lingwi tal-pajjiżi ta' madwar u ta' ġol-Paċifiku nsibu ħafna kliem derivati minnu, fosthom aroha fil-lingwa tal-Maori, talofa fil-lingwa tas-Samoa u fakaalofa fil-lingwa Njuweja. F'ħafna lingwi il-ħoss tal-/v/ u l-verżjoni mniffsa tiegħu /f/ kif nafuhom aħna ma jeżistux; dawn jużaw xi ħoss simili tagħhom, bħal /h/, /ɦ/, /ʋ/, /β/, /p/ jew /ɸ/ minflok. Pereżempju, fil-Ġappuniż il-ħoss /f/ ma jeżistix kif ilissnuh il-Maltin u l-Ingliżi - allura kelma bħal 'Fuji' tinstema' iżjed bħal 'Huji'. Jekk wieħed iżomm dawn il-kunsiderazzjonijiet f'moħħu jinnota kemm aroha tixbah il-kelma love ta' l-Ingliż. U minn hawn nistgħu nibdew vjaġġ lingwistiku ieħor kieku.

Il-mara li tara fil-ħolm tiegħek.

Fil-lingwa Ġappuniża ma jeżistix verb li jfisser 'toħlom'. Tintuża l-espressjoni 夢を見る, letteralment "tara ħolma" minflok. 

Fost il-bqija tal-lingwi tad-dinja nsibu wkoll ħafna kliem li għandu x'jaqsam mal-ħolm li jixbah ħafna lil dak irrelatat mal-mara li ntwera qabel. Pereżempju fl-Iżlandiż insibu l-kelma draumur li titnissel min-Norveġiż l-Antik: draumr, kelma li tgħati l-oriġini lil kliem bħal 'dream' fl-Ingliż u 'Traum' fil-Ġermaniż u oħrajn bħal drøm, dröm u droom li jidhru fil-lingwi ta' l-Iskandinavja u l-viċinanzi. Insibu wkoll kliem bħal სიზsizmari fil-Ġorġjan u རྨི་ལམ rmi-lam fit-Tibetan.

Ta' min wieħed jinnota kif f'ħafna mill-kliem modern li ssemma' qabel, l-ittri 'm' u 'r' jidhru b'ordni oppost ta' tal-kliem li deher preċedentement. L-ordni fejn 'm' tidher qabel 'r' jerġa' jidher iktar spiss f'ħafna kliem li għandu tifsira semantikament opposta ta' 'ħolma', appuntu dik ta' 'ħmar il-lejl'.

Fil-maġġoranza tal-lingwi Ewropej, wieħed jista' jinnota kif il-kliem għall-'ħmar il-lejl' fih il-konsonanti 'm' u 'r' ġo fih. Fosthom insibu dak li ġie addattat mill-kelma Franċiża cauchemar, bħal koszmar fil-Pollakk, košmaar fl-Estonjan, კოშმარი košmari fil-Ġorġjan, košmaras fil-Litwanjan, кошмар fir-Russu u fil-Maċedonjan, coșmar fir-Rumen u tchôcmr bil-Walon.

Kemm il-mar ta' cauchemar u l-mare ta' nightmare huma rrelatati mall-ħeddiela, dik il-fantażma bi xbieha ta' mara li tipprova tifga lil dak li jkun matul il-lejl. Il-kelma għall-ħeddiela hija mara bl-Iżvediż, bl-Iżlandiż u b'ċerti lingwi oħra, u appuntu tidher spiss f'ħafna kliem irrelatat mall-ħolm ikrah, bħal Nachtmahr bil-Ġermaniż, nachtmerrie bl-Olandiż, noční můra biċ-Ċek, nočná mora bl-Islovakk, mardröm bl-Iżvediż, mareridt bid-Daniż, mareritt bin-Norveġiż, marra bil-Fejrowiż, martröð bl-Iżlandiż, ноћна мора bis-Serb, murgi bil-Latvjan, rémálom bl-Ungeriż, mearan-cadail bil-Gaeliku Irlandiż u trom-laighe bil-Gaeliku Skoċċiż. Ta' min iżid li l-ħeddiela hija wkoll magħrufa li tirkeb iż-żwiemel (li jixbhu l-ħmir) bil-lejl biex tgħejjihom u filgħodu tħallihom għarqana xraba.

Ċertu kliem ieħor bħal Albtraum bil-Ġermaniż u Alpdram bil-Lussemburgiż jirreferu għal tip ta' esseri simili msejjaħ 'alp', kreatura li kapaċi tbiddel l-apparenza tagħha u li tattakka matul l-irqad u toħloq ħmir il-lejl. 'Alp' hija rrelatata ma' 'elf'.

Fiex iwassalna dan mela? X'hemm x'jaqsam bejn l-imħabba, l-għajn, l-omm, il-baħar u l-ħolm? Sempliċi u t-tweġiba għal din l-aħħar mistoqsija se tiħodna lura lejn dak li għidt fil-bidu ta' dan il-post. Dawn huma kollha forma ta' oriġini jew ta' kaġun li jwasslu għal ħlieq ta' nies, ta' affarijiet, ta' avventuri u ta' stejjer. Il-ħolm joħloq idejat li jwasslu għall-progress kemm uman u teknoloġiku. Il-baħar huwa minn fejn oriġinat l-evoluzzjoni tagħna miċ-ċelluli primittivi primordjali. L-omm issawwar il-ħajja lil wildha. L-għajn tgħati bidu għax-xewqat tagħna. U l-imħabba hija l-kaġun u t-tifsira ta' dana kollu. Kollox imħabba l-imħabba. Aħna l-Maltin mbirkin li għandna kelma bħal 'mħabba' li fiha tiġbor l-essenza u r-raġuni tal-ħajja.

0 件のコメント: