Spiss inħobb infittex assonanzi bejn żewġ jew iżjed lingwi, speċjalment meta dawn huma kemm ġeografikament u kemm lingwistikament distanti ħafna minn xulxin. Dan għamiltu minn età żgħira.
Meta kont tifel kont ninnota spiss kif kliem bħal sabiħ u beautiful it-tnejn fihom il-ħoss tal-waqfa bilabjali mleħħna; il-fonema /b/. Jien u nikber bdejt ninnota wkoll kif l-antonimi tagħhom, ikrah u ugly, wkoll għandhom fonemi rrelatati bejniethom: ħoss velari (/k/ u /g/) u likwidu (/l/ u /r/) ħdejn xulxin fil-kelma wara vokali inizzjali.
Kelma li l-istudenti tiegħi jitgħallmu kmieni u li jisimgħu spiss hija 綺麗 (jew 奇麗). Din tinqara きれい kirē (jew kirei) u spiss tinkiteb bil-katakana peress li l-karattri kanji tagħha fihom wisq daqqiet. 綺麗 hija nom iżda grammatikalment taħdem spiss bħala modifikatur aġġettivali u għandha ħafna tifsiriet fosthom: pulit, nadif, pur, komplet u ċar, iżda fuq kollox, din tfisser sabiħ, anzi, sabiħa, minħabba l-fatt li normalment int tkun qed tiddeskrivi mara b'din id-definizzjoni.
(Dwar l-oriġini etimoloġika ta' 綺麗, id-differenza bejn 綺麗 u 奇麗 u r-relazzjoni bejn il-verżjoni Ċiniża (绮丽 qǐlì) u dik Ġappuniża, eċċ, nitkellem darb'oħra.)
Fit-Tajlandiż insibu kelma li għandha pronunzja li tixbah ħafna lil dik ta' 綺麗: ขี้เหร่ kêe-rày.
Wieħed li studja xi ftit din il-lingwa kemxejn diffiċli jaf li l-partiċella ขี้- (letteralment tfisser 'ħara') tintuża spiss bħala prefiss li jirreferi għal xi kwalità fiżika jew xi karatteristika komportamentali negattiva - normalment ta' persuna imma anka ta' oġġett. Fost kliem simili nsibu ขี้เหล้า kêe-lâo 'sakranazz/a' (aħna ngħidu 'xorob u sar ħara'); ขี้อาย kêe-aai 'mistħi/ja' (il-kelma 'shy' tfakkarni f''Scheiße': 'shit'); ขี้เหนียว kêe-nĭeow 'qammiel/a' (il-Ġappuniżi jgħidu 吝嗇臭い 'tant jitqammel li jinten [daqs eskrement]'); ขี้ปด kêe-bpòt 'tivvinta/tigdeb' (to talk crap/bullocks) u oħrajn.
(Fit-Tajlandja. bħal ma jiġri f'Malta wkoll, hemm tendenza li kliem hekk jingħataw bħala laqmijiet mill-infanzja. Dawn jibqgħu anka meta dawn it-tfal isiru adulti u anka jekk il-karatteristika fiżika li tathom il-laqam tintilef maż-żmien.)
Mela b'mod interessanti immens, għalkemm ขี้เหร่ kêe-rày għandha prattikament pronunzja identika għal 綺麗 kirē, din tfisser 'ikrah/kerha' - kompletament l-oppost.
Fl-Ingliż insibu kelma li fiha l-istess kombinazzjoni ta' fonemi /k/ u /r/ u li simultanjament hija l-oppost ta' 'ugly': pulchritudinous (IPA: ˌpʌlkrɪˈtjuːdɪnəs). Din kelma li titnissel mill-aġġettiv Latin 'pulc(h)er' (IPA: /pulkʰer/) u apparti fil-kelma ta' qabel, sal-lum għadna nsibuha ġol-lingwi ta' Spanja u l-Portugal fil-kelma pulcro fejn tfisser 'nadif' jew 'pulit' (li tinsiex huma tifsiriet oħra ta' 綺麗 kirē). Fil-lingwi Slaviċi nsibu għerq simili u komuni ieħor li fih l-istess ħsejjes. Dan narawh f'kliem Russu bħal прекрасный (IPA: /prʲɪ'krasnɨj/), f'kliem Ċekoslovakk bħal krásný (fejn insibu wkoll kelma għal 'ikrah' li terġa' fiha l-istess fonemi: škaredý [scare u shy huma forsi rrelatati magħha?]) u f'kelma li tintuża kemm fil-Bulgaru u fil-Maċedoni bħal прекрасен (IPA: prɛ'krasɛn); kliem li kollu jfisser l-istess ħaġa: beautiful. Sabiħ/a bl-iSvediż hija vacker (IPA: /ˈvakːɛ̂r/). Sbuħija bl-Albaniż hija bukuri.
La qegħdin hawn. Kulħadd jaf bil-Pjazza l-Ħamra ta' Moska, fir-Russja. Bir-Russu din tissejjaħ Красная площадь (IPA: ˈkrasnəjə ˈploɕːətʲ) u propjament tfisser 'Il-Pjazza s-Sabiħa'. L-isem tal-pjazza jmur lura sa minn ħafna qabel ir-revoluzzjoni ta' l-1917. Fil-lingwa Russa, l-għerq ta' l-isbuħija hu simili ħafna ta' l-għerq ta' l-aħmar. Biex inqabbel, il-karattru 艶 (つや) jiġi minn 'abbondanza' 豊 + 'kulur' 色 u jista' jfisser 'sbuħija'. Normalment ifisser 'tleqqija', u fil-Ġappuniż l-affarijiet li jleqqu jagħmlu つやつや jew きらきら kirakira mimetikament. Ta' min isemmi wkoll li fil-Ġappuniż insibu anki l-kelma 嫌い kirai (mill-verb 嫌う) li huwa nom li jintuża spiss b'mod aġġettivali bit-tifsira ta' 'dislike', 'hate', 'unpleasant'. Ħafna huma l-barranin li jħawduha ma' 綺麗,
Nammetti. Huwa faċli ħafna tintilef f'vjaġġ lingwistiku bħal dan. Però hija sensazzjoni unika ħafna dik li tħoss meta taf li tlaqt b'kelma bħal kerha u spiċċajt b'kelma bħal sabiħa. Tfakkrek ukoll li dak li huwa ikrah għal xi ħadd, huwa sabiħ għal ħaddieħor. Ikun x'ikun.
0 件のコメント:
コメントを投稿