F'kwalunkwe lingwa, il-partijiet tal-ġisem jidhru spiss f'espressjonijiet idjomatiċi, uħud minnhom jintużaw prattikament il-ħin kollu. Wieħed b'rasu iebsa huwa bniedem stinat, ieħor b'qalbu f'idejh huwa bniedem ħanin u ieħor b'saqajh ħfief huwa bniedem li jiċċaqlaq malajr. Tipo Bruce Lee.
Xi ftit żmien ilu kien hemm riforma fil-常用漢字 fejn ċertu kanji tilfu l-importanza tagħhom minħabba l-fatt li l-kliem fejn jidhru m'għadhomx jintużaw daqshekk spiss. Wieħed minn dawn il-karattri huwa 蒙 li jfisser 'injoranza' imma normalment kien jintuża bħala abbrevjazzjoni għall-Mongolja peress li jinqara モウ mō.
(Il-Ġappuniżi jużaw ħafna karattri bħala abbrevjazzjonijiet għall-isem ta' postijiet. Pereżempju, 仏 ifisser 'Buddha' iżda jista' jirreferi għal 'Franza' (għax jinqara フ[ツ] fu[tsu] → フランス → 仏蘭西). 伊 ifisser 'dak' iżda jista' jirreferi għall-'Italja' (għax jinqara イ i → イタリア → 伊太利亜). Dak ta' Malta x'inhu? Ħeqq, nissoponi li huwa 馬 'żiemel' għax jinqara マ ma → マルタ → 馬瑠太. Meta tgħaddi minn ċertu toroq il-Belt jew l-Imdina taqbel miegħi li huwa karattru azzekkat.)
Kelma li tagħmel użu mill-karattru 蒙 hija 蒙古斑 mōkohan, ħaġa li bl-Ingliż tissejjaħ appuntu "Mongolian spot" jonkella "blue spot" minħabba l-kulur li għandha.
It-trabi Ġappuniżi għandhom tendenza li jitwieldu biha din. Din titlaq wara 3 snin. Kultant wara 5 snin jew xi ftit iżjed. Tidher qisha tbenġila imma fir-realtà hija r-riżultat ta' qbid ċellulari fil-ġilda.
Il-partikolarità tagħha din hija li ġeneralment tidher fil-warrani tat-tarbija, ħaġa li l-ommijiet Ġappuniżi jsibu verament ħelwa.
Din il-kundizzjoni temporanja fit-tfal wasslet għall-kreazzjoni ta' idjoma partikolari ħafna: 尻が青い (shiri ga aoi) - letteralment: "is-sorm huwa blu" - li tintuża meta wieħed irid jindika l-immaturità, kemm fiżika, mentali u spiritwali, ta' persuna. Fil-Malti nsibu l-idjoma '(wieħed) għadu b'ħalib ommu fi snienu' u fl-Ingliż insibu 'to be wet behind the ears' bl-istess tifsira.
Fl-Ingliż insibu wkoll l-idjomi "to be green (as grass)" u "to be a greenhorn". L-aħdar huwa l-kulur ta' l-immaturità. Qabel ma timmatura larinġa, biex ssir oranġjo, din tkun ħadra. L-istess huma frott, ħaxix u pjanti oħra. Fil-Ġappun, 青い tfisser blu iżda fil-passat kienet kelma li tirreferi għall-kuluri 'kesħin' u 'pallidi' u kif ukoll appuntu għal dawk ta' 'l-immaturità' bħall-blu, l-aħdar, il-griż, il-kannella, l-iswed u xi kultant il-vjola wkoll. Dan għadna narawh f'kliem bħal 青葉 'blue leaves' = green leaves/fresh leaves; 青鷺 'blue heron' = grey heron [Ardea cinerea] u 青銅 'blue copper' = bronze.
Meta l-Ġappun fetaħ il-bibien tiegħu wara sekli ta' iżolazzjoni, bdew jiġu impurtati l-lapsijiet ikkuluriti u l-krejons miċ-Ċina u għalhekk kien hemm bżonn ta' distinzjoni ċara bejn il-kuluri. (Qabel kien hemm distinzjoni bejn 4 kuluri biss.) 青 sar 'blu' u 緑 sar 'aħdar' eċċ, għalkemm għadna naraw traċċi ta' l-użu antik ta' 青 sal-lum. Fil-fatt, meta fit-traffiku persuna Ġappuniża tara li d-dawl qeleb għall-aħdar, din ma tgħidx 「緑です。」"It's green." iżda 「青いです。」 "It's blue." minkejja l-fatt li m'hemm l-ebda differenza bejn il-kulur tas-sinjal tagħhom u dak tal-bqija tad-dinja. (Xi Ġappuniż jaf ma jaqbilx ma' din l-affermazzjoni~ ;-P - Huma jemmnu ħafna bl-uniċità tagħhom bħala poplu).
Fil-lingwa Ġappuniża, il-kelma 'sorm' - 尻 shiri - hija waħda rispettata ħafna. Tant hu hekk li spiss tidher b'prefiss onorifiku quddiemha meta tintuża: お尻 o-shiri. (Prefissi bħal dawn jintużaw appuntu meta wieħed irid juri rispett għal xi ħaġa mqaddsa jew imperjali, għalkemm kultant dawn huma biss mezz biex kelma ssebbaħha xi ftit u tagħmilha iżjed eleganti.) Verżjoni daqsxejn iżjed vulgari ta' l-istess kelma hija ketsu u tinkiteb bl-istess karattru, jew b'穴 'toqba'.
Insibu ħafna iżjed idjomi b'din il-kelma:
尻が暖まる shiri-ga atatamaru
Letteralment: "is-sorm qed jisħon"
Meta tissetilja ġo post għal ħafna żmien u ssib ruħek komdu ħafna fih, tħossok bħal meta titgezzez fis-sodda għal ġurnata kiesħa sħiħa u tħossha diffiċli titlaq minn dak il-post.
尻が重い shiri-ga omoi
Letteralment: "is-sorm huwa tqil"
Wieħed bil-warrani tqil isibha diffiċli biex iqum minn bilqiegħda u jibda jagħmel xi ħaġa.
尻が軽い shiri-ga karui
Letteralment: "is-sorm (tagħha) huwa ħafif"
Ġeneralment tiddeskrivi mara daqsxejn faċli biex torqod magħha. Tista' tiddeskrivi wkoll xi raġel li huwa irresponsabbli u li jħawwad l-affarijiet li jkun qed jagħmel minħabba f'hekk.
尻が苦蘇痒い shiri-ga kosobayui
Letteralment: "is-sorm huwa magħrux"
Meta Ġappuniż jinstab f'sitwazzjoni skomda w imbarazzanti, jibda jieklu sormu.
尻が長い shiri-ga nagai
Letteralment: "is-sorm huwa twil"
It-Taljani jgħidu li l-mistidnin qishom ħut, wara ftit jibdew jintnu. Fil-Ġappun jgħidu li sormhom huwa twil. Dan it-tul fuq wara ninnutawh anka meta xi klijent jibqa' jredden u jgħid ġol-ħanut għal ħin twil, anki wara li ġie moqdi ilu.
尻に敷く shiri-ni shiku
Letteralment: "jintelaq fuq is-sorm (ta' xi ħadd)"
Fil-Ġappun, wieħed li jiddependi fuq persuna jew li huwa kkontrollat fuq il-ponot tas-swaba' ta' xi ħadd, huwa wieħed mitluq fuq il-warrani tiegħu.
尻に火が付く shiri-ni hi-ga tsuku
Letteralment: "taħt is-sorm hemm nar li jaqbad"
Għal meta persuna hija magħfusa bil-pressjoni warranija tal-ħajja u tħossha qisha b'ħuġġieġa nar taħtha, għaliha nsibu din l-idjoma interessanti.
尻に帆を掛ける shiri-ni ho-wo kakeru
Letteralment: "tella' qlugħ fuq is-sorm (tiegħu)"
Instabt f'sitwazzjoni diffiċli u ħrabt minnha malajr kemm stajt? Din l-idjoma għalik.
尻の穴が小さい shiri-no-ana-ga chiisai
Letteralment: "it-toqba tas-sorm hija żgħira"
Wieħed li jitqammel fil-flus, imma anki wieħed li għandu veduti żgħar dwar il-ħajja, fil-Ġappuniż ngħidu li għandu l-bokkaport anali daqsxejn żgħir, mhux butu biss. Minflok żgħira, it-toqba tista' tkun dejqa 狭い, imma l-istess ħaġa tfisser.
尻を落ち着ける shiri-o ochitsukeru
Letteralment: "sserraħ is-sorm"
Meta tinstab f'ambjent li taf sew, tkun tista' tintelaq u tistrieħ bil-kumdità kollha.
尻を押す shiri-o osu
Letteralment:"timbotta s-sorm (ta' xi ħadd)"
Jekk trid tinkoraġġixxi lil xi ħadd biex jagħmel xi ħaġa ġol-Ġappun, imbuttah fejn ma tilħaqx ix-xemx.
尻を叩く shiri-o tataku
Letteralment: "ħabbat is-sorm (ta' xi ħadd)"
Minflok timbottahulu, tista' tħabbatlu daqqtejn fuqu. Anki jekk trid tqabbdu jagħmel xi ħaġa. (Aħjar le imma.)
尻を拭う shiri-o nuguu
Letteralment: "mesaħ is-sorm (ta' xi ħadd)"
Għalkemm l-espressjoni Maltija/Ingliża/Taljan (leccaculo)/eċċ, li tinvolvi lgħiq, ma teżistix fil-Ġappuniż, insibu però dik li tinvolvi msiħ. Din tintuża meta wieħed inaddaf jew jirranġa l-ħmieġ jew it-taħwid ta' ħaddieħor.
Tidher spiss fil-forma 尻拭いを為る shirinugui-o suru wkoll.
(Il-verb tal-forma oriġinali sar suffiss f'forma nominali li ngħaqad ma' 尻 flimkien mal-verb ’għamel’: minn to wipe an ass għal to do ass-wiping insomma.)
尻を端折る shiri-o hashoru
Letteralment: "qassar is-sorm (tiegħu)"
Din
l-idjoma tintuża meta wieħed jiġbor fil-qosor xi diskors jew kitba
filwaqt li jagħmilha iżjed sempliċi biex tinftiehem. Tiġi mill-użanza li
tirrikjedi il-ġbid tal-muskoli gluteali sabiex il-kimono jkun iżjed faċli biex joqgħodlok sew meta jlibbsuhulek.
尻を掘る shiri-o horu
Letteralment: "ħafer is-sorm"
It-tifsira ta' din se jkollok taqtagħha (faċilment) waħdek. Ġa kont vulgari biżejjed hawn illum.
Hawn min jużaha wkoll meta hemm ħabta bil-karozza mal-warrani ta' karozza oħra.
尻を捲る shiri-o makuru
Letteralment: "iddawwar is-sorm"
Meta tiddeċiedi li ddawwar sormok biex tgħollih prepotentement mill-pożizzjoni umilment baxxa li suppost qiegħed fiha, int tkun trid turi li lest għall-ġlied u l-antagoniżmu. Kultant l-istess verb jinqara kukuru, u kultant il-verb b'dan il-qari jkun miktub 括る.
尻を持ち込む shiri-o mochikomu
Letteralment: "talloġġja s-sorm"
Il-persuna li qed magħha ġennitek? Mur għand dik il-persuna li laqqatek magħha u eqridha! Alloġġja għandha jekk hemm bżonn. Meta jkollok problema fittex dejjem dak li kkawżaha.
尻を割る shiri-o waru
Letteralment: "qasam is-sorm"
Meta tikxef il-pjanijiet sigrieti, il-ħabi jew il-qerq ta' xi ħadd, kieku int Ġappuniż, int tkun qsamtlu sormu. Din espressjoni li ma tantx għadha tidher spiss. Din ma tiġix mill-apparenza ta' ras ix-xaqq it-tina li sseħħ meta ċertu rġiel jitgħawġu 'l isfel iż-żejjed, kif wieħed jista' jimmaġina, iżda mill-fatt li ċertu ħallelin taż-żwiemel tal-passat kienu jinqabdu mal-ewwel minħabba l-qsim li kien ikollhom fl-abbiljament tagħhom.
尻から抜ける shiri-kara nukeru
Letteralment: "waqgħet mis-sorm"
Kemm-il darba kont l-iskola u dak li qalitlek l-għalliema daħal minn widna u ħariġlek mill-widna l-oħra? Milli jidher il-kliem jista' joħroġ minn post ieħor meta tinsieh malajr.
女の尻を追う onna-no-shiri-o ou
Letteralment: "(wieħed) jiġri wara sorm in-nisa"
Iv'hekk hu. Din tfisser bħall-istess idjoma li ssib fil-Malti u fl-Ingliż. Tiddeskrivi wieħed li qas jista' jara mara għax jipprova jittantaha.
0 件のコメント:
コメントを投稿