Insomma, għal raġunijiet li m'iniex se noqgħod jispjega issa (riċerka), kont qed naqra dan il-kodiċi u ħbatt f'din il-paġna vera interessanti. Hija daqsxejn kbira, allura se niffoka fuq il-parti li tikkonċerna dan il-post:
Li qed tara b'għajnejk hija propjament kelma miktuba b'skritt Irlandiż antik ħafna. Huwa skritt li jissejjaħ Ogham (tinqara Ōm'; bl-O twila) li kien jintuża fiż-Żminijiet tan-Nofs.
L-Ogham huwa skritt li normalment wieħed isibu miktub vertikalment. Insibu ħafna skrittijiet li jinkitbu hekk, bħall-ġeroglifiċi ta' l-Eġizzjan Antik u tal-Maya.
Il-Ġappuniż għadu tradizzjonalment jinkiteb vertikalment ukoll (pereżempju fil-manga u fil-gazzetti), jibda minn fuq għal isfel f'kull linja, mix-xellug għal-lemin.
Flimkien ma' verżjoni partikolari ta' l-alfabett Ċirilliku, fil-Mongolja għadu jintuża skritt sabiħ ħafna li wkoll huwa vertikali u li wkoll jibda minn fuq għal isfel f'kull linja iżda li jmur mil-lemin għax xellug (tipo Għarbi qed jikteb fuq pitazz imdawwar 90°).
L-Ogham huwa partikolari ħafna għax apparti li jinkiteb vertikalment, dan jibda minn isfel. Jitla' 'l fuq qisu siġra (għalhekk isejħulu wkoll 'Celtic Tree Script') u sentenza twila miktuba bih iddur bħal serp (u mhux tibda linja ġdida) meta wieħed jilħaq it-tmien tas-superfiċje fuq xiex qed jikteb. Wara jerġa jitla' 'l fuq.
L - A - T(H) - E - I - R - T
F'dan il-każ partikolari nsibu l-kelma 'latʰ eirt' (IPA: lːaθʲərtʲ) li tfisser 'ħengover'.
Apparentement, din hija skuża ta' skriba Irlandiż tas-seklu 9 għall-iżbalji li għamel fil-ħidma ta' filgħodu wara xi lejla movimentata!
0 件のコメント:
コメントを投稿