2012年10月9日火曜日

Problematic Monkeys - Nie Mój Cyrk, Nie Moje Małpy

Fil-Polonja hemm frażi li kont niltaqa' magħha spiss kemm fid-diskors kif ukoll fil-kitba, li hija din:

Nie mój cyrk, nie moje małpy.
Fonetikament: /ɲe muj tsɪrk ɲe ˈmɔ.je ˈmaw.pɪ/

Din letteralment tfisser "La mhuwa ċ-ċirku tiegħi, la mhija x-xadina tiegħi" u tintuża minn kelliem meta dan irid jesprimi l-indifferenza tiegħu lejn ħaġa jew azzjoni li xi ħadd qed jipprova jdaħħlu fiha. Fi kliem ieħor, din tista' tfisser minn "Ma jinteressanix", għal "Ma jimpurtanix" u "Mhux problema tiegħi" sa "Niġi naqa' u nqum minn (dak li qed tgħid/iseħħ)" u "Niġi nitnejjek minn (dak li qed tgħid/iseħħ)".

Kif wieħed jista' jara, fil-Polonja din il-frażi tista' tinstema' vulgari ħafna skont il-kuntest fejn tidher, għalkemm spiss tintuża b'mod ċajtier jew sarkastikament, speċjalment f'protesti jew manifestazzjonijiet politiċi.

2012年9月4日火曜日

Kaboċċa ≠ かぼちゃ = Pumpkin

Fil-Ġappuniż, il-kelma għall-qargħa ħamra (pumpkin) u għall-qargħa bagħli (squash) hija din: 南瓜.

Letteralment 南瓜 tfisser "il-bettieħa tas-Sud" għax iċ-Ċiniżi - dawk li ħolqu din il-kelma (huma jaqrawha nánguā) - oriġinarjament kienu jimportawha minn xi pajjiżi fix-Xlokk ta' Asja, li appuntu jinstabu fin-Nofsinhar taċ-Ċina.

Però l-Ġappuniżi probabbilment kienu diġà jikkultivaw din il-pjanta saħansitra qabel ma din il-kelma daħlet f'pajjiżhom. Fil-fatt, għalkemm ma' kliem bħal dan normalment insibu qari ta' oriġini Ċiniża (音読み), ma' 南瓜 insibu marbut magħha qari li mhuwiex Sinitiku.

Dan il-qari huwa かぼちゃ. Bir-rōmaji: kabocha.
Kif jista' jkun? Din il-kelma tinstema' prattikament l-istess bħall-kaboċċa tagħna l-Maltin!

Il-kelmiet 'kaboċċa' u 'かぼちゃ' għandhom tifsira differenti iżda t-tnejn li huma jirreferu għal żewġ ħxejjex li huma tajbin għall-ikel.

Jista' jkun hemm relazzjoni bejniethom?

Ħeqq, ejja l-ewwel naraw l-oriġini etimoloġika tal-kelma Maltija.

Skond dak li jgħid Aquilina様, kaboċċa tiġi mid-djalett Sqalli cappucciu u huwa l-mod kif l-iSqallin jirreferu għal numru ta' ħxejjex u fjuri li għandhom forma appuntu ta' kapoċċ. Fit-Taljan standard, kaboċċa hija msejħa cavolo; kelma li tintuża spiss ewfemistikament f'interjezzjonijiet li jesprimu xi sensazzjoni negattiva. Minflok cazzo insomma. Kif nagħmlu aħna l-Maltin biż-żoċċ u bil-madoffi wara kollox. Fit-Taljan ukoll insibu kelma oħra li tfisser kaboċċa: lattuga cappuccia.

Fil-każ tal-kelma かぼちゃ, din tiġi mill-isem tal-Kamboġja, pajjiż Asjatiku li jinstab ħdejn it-Tajlandja. Milli jidher, din il-ħaxixa kienet ġiet impurtata mill-Portugiżi għall-ewwel darba ġol-Ġappun madwar 500 sena ilu taħt l-isem カボチャ瓜 - "il-bettieħ tal-Kamboġja"; isem li maż-żmien tqassar għal カボチャ. (Il-ħsejjes nażali tal-Portuġiż jintiflu faċilment meta jidħlu f'widna Ġappuniża, speċjalment f'dawk tan-nies tal-passat.) Il-Ġappuniżi abbinaw dan il-qari Portuġiż mal-karattri 南瓜. (Fil-Ġappuniż hemm flessibiltà lingwistika kbira; kanji bħal 頁 jinqara ページ minn page, filwaqt li 米 jista' jinqara メートル minn metre. Dawn huma kliem Ingliżi, iżda fil-bidu l-Ġappuniż kien jadotta ħafna kliem mill-Portugiż u l-Olandiż - il-lingwa ta' pajjiżi magħrufa għan-navigaturi famużi li kellhom.)

L-oriġini ta' l-isem tal-Kamboġja huwa diffiċli biex wieħed jasal għaliha preċiżament. Kull ma jingħaraf huwa l-isem ta' tribù/renju li kien jinstab fl-Indja; isem li probabilment ifisser "ir-renju (mill-għerq bhuj) ta' Kam", fejn Kam huwa wisq probabbli l-isem jew it-titlu ta' xi nobbli mitluf fis-sekli. (L-ewwel l-Faragħun tad-Dinastija XXVII kien Persjan bl-isem 'Mesut-Rā Kambȧthet' - bilfors huwa rrelatat ukoll - imma qed niddevja hawn.)

Jidher li m'hemmx relazzjoni bejn il-kelma Maltija u dik Ġappuniża. Iżda jekk かぼちゃ ġejja mill-isem Kamboġja li ġej minn isem ta' re jew farawn, u jekk re jew farawn huwa l-kap ta' renju, u jekk kap insejħulu ras, u jekk ras tissejjaħ capa jew capoccia b'mod diminuttiv bil-Taljan, u jekk capoccia twassal għal kaboċċa fil-Malti, allura forsi hemm xi relazzjoni wara kollox.

----------------------------------------------------------------------------------

E, fil-Ġappuniż ukoll, insibu din il-kelma 南京  li tinqara ナンキン nankin
Tfisser kemm qargħa ħamra jew qargħa bagħli.
Tarawha tixbah wisq lill-kelma pumpkin? ;-P

----------------------------------------------------------------------------------

Jgħidu li b'kaboċċa u b'qargħa ħamra tagħmel soppa vera tal-ġenn.
Hawnhekk issibu riċetta.

2012年6月17日日曜日

尻が青い - The Butt is Blue - Is-Sorm huwa Blu

F'kwalunkwe lingwa, il-partijiet tal-ġisem jidhru spiss f'espressjonijiet idjomatiċi, uħud minnhom jintużaw prattikament il-ħin kollu. Wieħed b'rasu iebsa huwa bniedem stinat, ieħor b'qalbu f'idejh huwa bniedem ħanin u ieħor b'saqajh ħfief huwa bniedem li jiċċaqlaq malajr. Tipo Bruce Lee.

Xi ftit żmien ilu kien hemm riforma fil-常用漢字 fejn ċertu kanji tilfu l-importanza tagħhom minħabba l-fatt li l-kliem fejn jidhru m'għadhomx jintużaw daqshekk spiss. Wieħed minn dawn il-karattri huwa 蒙 li jfisser 'injoranza' imma normalment kien jintuża bħala abbrevjazzjoni għall-Mongolja peress li jinqara モウ .

(Il-Ġappuniżi jużaw ħafna karattri bħala abbrevjazzjonijiet għall-isem ta' postijiet. Pereżempju, 仏 ifisser 'Buddha' iżda jista' jirreferi għal 'Franza' (għax jinqara フ[ツ] fu[tsu] → フランス → 仏蘭西). 伊 ifisser 'dak' iżda jista' jirreferi għall-'Italja' (għax jinqara イ i → イタリア → 伊太利亜). Dak ta' Malta x'inhu? Ħeqq, nissoponi li huwa 馬 'żiemel' għax jinqara マ ma → マルタ → 馬瑠太. Meta tgħaddi minn ċertu toroq il-Belt jew l-Imdina taqbel miegħi li huwa karattru azzekkat.)

Kelma li tagħmel użu mill-karattru 蒙 hija 蒙古斑 mōkohan, ħaġa li bl-Ingliż tissejjaħ appuntu "Mongolian spot" jonkella "blue spot" minħabba l-kulur li għandha.

It-trabi Ġappuniżi għandhom tendenza li jitwieldu biha din. Din titlaq wara 3 snin. Kultant wara 5 snin jew xi ftit iżjed. Tidher qisha tbenġila imma fir-realtà hija r-riżultat ta' qbid ċellulari fil-ġilda.

Il-partikolarità tagħha din hija li ġeneralment tidher fil-warrani tat-tarbija, ħaġa li l-ommijiet Ġappuniżi jsibu verament ħelwa.

Din il-kundizzjoni temporanja fit-tfal wasslet għall-kreazzjoni ta' idjoma partikolari ħafna: 尻が青い (shiri ga aoi) - letteralment: "is-sorm huwa blu" - li tintuża meta wieħed irid jindika l-immaturità, kemm fiżika, mentali u spiritwali, ta' persuna. Fil-Malti nsibu l-idjoma '(wieħed) għadu b'ħalib ommu fi snienu' u fl-Ingliż insibu 'to be wet behind the ears' bl-istess tifsira.

Fl-Ingliż insibu wkoll l-idjomi "to be green (as grass)" u "to be a greenhorn". L-aħdar huwa l-kulur ta' l-immaturità. Qabel ma timmatura larinġa, biex ssir oranġjo, din tkun ħadra. L-istess huma frott, ħaxix u pjanti oħra. Fil-Ġappun, 青い tfisser blu iżda fil-passat kienet kelma li tirreferi għall-kuluri 'kesħin' u 'pallidi' u kif ukoll appuntu għal dawk ta' 'l-immaturità' bħall-blu, l-aħdar, il-griż, il-kannella, l-iswed u xi kultant il-vjola wkoll. Dan għadna narawh f'kliem bħal 青葉 'blue leaves' = green leaves/fresh leaves; 青鷺 'blue heron' = grey heron [Ardea cinerea] u 青銅 'blue copper' = bronze.

Meta l-Ġappun fetaħ il-bibien tiegħu wara sekli ta' iżolazzjoni, bdew jiġu impurtati l-lapsijiet ikkuluriti u l-krejons miċ-Ċina u għalhekk kien hemm bżonn ta' distinzjoni ċara bejn il-kuluri. (Qabel kien hemm distinzjoni bejn 4 kuluri biss.) 青 sar 'blu' u 緑 sar 'aħdar' eċċ, għalkemm għadna naraw traċċi ta' l-użu antik ta' 青 sal-lum. Fil-fatt, meta fit-traffiku persuna Ġappuniża tara li d-dawl qeleb għall-aħdar, din ma tgħidx 「緑です。」"It's green." iżda 「青いです。」 "It's blue." minkejja l-fatt li m'hemm l-ebda differenza bejn il-kulur tas-sinjal tagħhom u dak tal-bqija tad-dinja. (Xi Ġappuniż jaf ma jaqbilx ma' din l-affermazzjoni~ ;-P - Huma jemmnu ħafna bl-uniċità tagħhom bħala poplu).

Fil-lingwa Ġappuniża, il-kelma 'sorm' - 尻 shiri - hija waħda rispettata ħafna. Tant hu hekk li spiss tidher b'prefiss onorifiku quddiemha meta tintuża: お尻 o-shiri. (Prefissi bħal dawn jintużaw appuntu meta wieħed irid juri rispett għal xi ħaġa mqaddsa jew imperjali, għalkemm kultant dawn huma biss mezz biex kelma ssebbaħha xi ftit u tagħmilha iżjed eleganti.) Verżjoni daqsxejn iżjed vulgari ta' l-istess kelma hija ketsu u tinkiteb bl-istess karattru, jew b'穴 'toqba'.

Insibu ħafna iżjed idjomi b'din il-kelma:

尻が暖まる shiri-ga atatamaru
Letteralment: "is-sorm qed jisħon"
Meta tissetilja ġo post għal ħafna żmien u ssib ruħek komdu ħafna fih, tħossok bħal meta titgezzez fis-sodda għal ġurnata kiesħa sħiħa u tħossha diffiċli titlaq minn dak il-post.

尻が重い shiri-ga omoi
Letteralment: "is-sorm huwa tqil"
Wieħed bil-warrani tqil isibha diffiċli biex iqum minn bilqiegħda u jibda jagħmel xi ħaġa.

尻が軽い shiri-ga karui
Letteralment: "is-sorm (tagħha) huwa ħafif"
Ġeneralment tiddeskrivi mara daqsxejn faċli biex torqod magħha. Tista' tiddeskrivi wkoll xi raġel li huwa irresponsabbli u li jħawwad l-affarijiet li jkun qed jagħmel minħabba f'hekk.

尻が苦蘇痒い shiri-ga kosobayui
Letteralment: "is-sorm huwa magħrux"
Meta Ġappuniż jinstab f'sitwazzjoni skomda w imbarazzanti, jibda jieklu sormu.

尻が長い shiri-ga nagai
Letteralment: "is-sorm huwa twil"
It-Taljani jgħidu li l-mistidnin qishom ħut, wara ftit jibdew jintnu. Fil-Ġappun jgħidu li sormhom huwa twil. Dan it-tul fuq wara ninnutawh anka meta xi klijent jibqa' jredden u jgħid ġol-ħanut għal ħin twil, anki wara li ġie moqdi ilu.

尻に敷く shiri-ni shiku
Letteralment: "jintelaq fuq is-sorm (ta' xi ħadd)"
Fil-Ġappun, wieħed li jiddependi fuq persuna jew li huwa kkontrollat fuq il-ponot tas-swaba' ta' xi ħadd, huwa wieħed mitluq fuq il-warrani tiegħu.

尻に火が付く shiri-ni hi-ga tsuku
Letteralment: "taħt is-sorm hemm nar li jaqbad"
Għal meta persuna hija magħfusa bil-pressjoni warranija tal-ħajja u tħossha qisha b'ħuġġieġa nar taħtha, għaliha nsibu din l-idjoma interessanti.

尻に帆を掛ける shiri-ni ho-wo kakeru
Letteralment: "tella' qlugħ fuq is-sorm (tiegħu)"
Instabt f'sitwazzjoni diffiċli u ħrabt minnha malajr kemm stajt? Din l-idjoma għalik.

尻の穴が小さい shiri-no-ana-ga chiisai
Letteralment: "it-toqba tas-sorm hija żgħira"
Wieħed li jitqammel fil-flus, imma anki wieħed li għandu veduti żgħar dwar il-ħajja, fil-Ġappuniż ngħidu li għandu l-bokkaport anali daqsxejn żgħir, mhux butu biss. Minflok żgħira, it-toqba tista' tkun dejqa 狭い, imma l-istess ħaġa tfisser.

尻を落ち着ける shiri-o ochitsukeru
Letteralment: "sserraħ is-sorm"
Meta tinstab f'ambjent li taf sew, tkun tista' tintelaq u tistrieħ bil-kumdità kollha.

尻を押す shiri-o osu
Letteralment:"timbotta s-sorm (ta' xi ħadd)"
Jekk trid tinkoraġġixxi lil xi ħadd biex jagħmel xi ħaġa ġol-Ġappun, imbuttah fejn ma tilħaqx ix-xemx.

尻を叩く shiri-o tataku
Letteralment: "ħabbat is-sorm (ta' xi ħadd)"
Minflok timbottahulu, tista' tħabbatlu daqqtejn fuqu. Anki jekk trid tqabbdu jagħmel xi ħaġa. (Aħjar le imma.)

尻を拭う shiri-o nuguu
Letteralment: "mesaħ is-sorm (ta' xi ħadd)"
Għalkemm l-espressjoni Maltija/Ingliża/Taljan (leccaculo)/eċċ, li tinvolvi lgħiq, ma teżistix fil-Ġappuniż, insibu però dik li tinvolvi msiħ. Din tintuża meta wieħed inaddaf jew jirranġa l-ħmieġ jew it-taħwid ta' ħaddieħor.
Tidher spiss fil-forma 尻拭いを為る shirinugui-o suru wkoll.  
(Il-verb tal-forma oriġinali sar suffiss f'forma nominali li ngħaqad ma' 尻 flimkien mal-verb ’għamel’: minn to wipe an ass għal to do ass-wiping insomma.)

尻を端折る shiri-o hashoru
Letteralment: "qassar is-sorm (tiegħu)"
Din l-idjoma tintuża meta wieħed jiġbor fil-qosor xi diskors jew kitba filwaqt li jagħmilha iżjed sempliċi biex tinftiehem. Tiġi mill-użanza li tirrikjedi il-ġbid tal-muskoli gluteali sabiex il-kimono jkun iżjed faċli biex joqgħodlok sew meta jlibbsuhulek.

尻を掘る shiri-o horu
Letteralment: "ħafer is-sorm"
It-tifsira ta' din se jkollok taqtagħha (faċilment) waħdek. Ġa kont vulgari biżejjed hawn illum.
Hawn min jużaha wkoll meta hemm ħabta bil-karozza mal-warrani ta' karozza oħra.

尻を捲る shiri-o makuru
Letteralment: "iddawwar is-sorm"
Meta tiddeċiedi li ddawwar sormok biex tgħollih prepotentement mill-pożizzjoni umilment baxxa li suppost qiegħed fiha, int tkun trid turi li lest għall-ġlied u l-antagoniżmu. Kultant l-istess verb jinqara kukuru, u kultant il-verb b'dan il-qari jkun miktub 括る.

尻を持ち込む shiri-o mochikomu
Letteralment: "talloġġja s-sorm"
Il-persuna li qed magħha ġennitek? Mur għand dik il-persuna li laqqatek magħha u eqridha! Alloġġja għandha jekk hemm bżonn. Meta jkollok problema fittex dejjem dak li kkawżaha.

尻を割る shiri-o waru
Letteralment: "qasam is-sorm"
Meta tikxef il-pjanijiet sigrieti, il-ħabi jew il-qerq ta' xi ħadd, kieku int Ġappuniż, int tkun qsamtlu sormu. Din espressjoni li ma tantx għadha tidher spiss. Din ma tiġix mill-apparenza ta' ras ix-xaqq it-tina li sseħħ meta ċertu rġiel jitgħawġu 'l isfel iż-żejjed, kif wieħed jista' jimmaġina, iżda mill-fatt li ċertu ħallelin taż-żwiemel tal-passat kienu jinqabdu mal-ewwel minħabba l-qsim li kien ikollhom fl-abbiljament tagħhom.

尻から抜ける shiri-kara nukeru
Letteralment: "waqgħet mis-sorm"
Kemm-il darba kont l-iskola u dak li qalitlek l-għalliema daħal minn widna u ħariġlek mill-widna l-oħra? Milli jidher il-kliem jista' joħroġ minn post ieħor meta tinsieh malajr.

女の尻を追う onna-no-shiri-o ou
Letteralment: "(wieħed) jiġri wara sorm in-nisa"
Iv'hekk hu. Din tfisser bħall-istess idjoma li ssib fil-Malti u fl-Ingliż. Tiddeskrivi wieħed li qas jista' jara mara għax jipprova jittantaha.

2012年5月5日土曜日

Kerha - Ugly - ขี้เหร่ - 綺麗 - Pulchritudinous - Sabiħa

Spiss inħobb infittex assonanzi bejn żewġ jew iżjed lingwi, speċjalment meta dawn huma kemm ġeografikament u kemm lingwistikament distanti ħafna minn xulxin. Dan għamiltu minn età żgħira.

Meta kont tifel kont ninnota spiss kif kliem bħal sabu beautiful it-tnejn fihom il-ħoss tal-waqfa bilabjali mleħħna; il-fonema /b/. Jien u nikber bdejt ninnota wkoll kif l-antonimi tagħhom, ikrah u ugly, wkoll għandhom fonemi rrelatati bejniethom: ħoss velari (/k/ u /g/) u likwidu (/l/ u /r/) ħdejn xulxin fil-kelma wara vokali inizzjali.

Kelma li l-istudenti tiegħi jitgħallmu kmieni u li jisimgħu spiss hija 綺麗 (jew 奇麗). Din tinqara きれい kirē (jew kirei) u spiss tinkiteb bil-katakana peress li l-karattri kanji tagħha fihom wisq daqqiet. 綺麗 hija nom iżda grammatikalment taħdem spiss bħala modifikatur aġġettivali u għandha ħafna tifsiriet fosthom: pulit, nadif, pur, komplet u ċar, iżda fuq kollox, din tfisser sabiħ, anzi, sabiħa, minħabba l-fatt li normalment int tkun qed tiddeskrivi mara b'din id-definizzjoni.

(Dwar l-oriġini etimoloġika ta' 綺麗, id-differenza bejn 綺麗 u 奇麗 u r-relazzjoni bejn il-verżjoni Ċiniża (绮丽 qǐ​lì) u dik Ġappuniża, eċċ, nitkellem darb'oħra.) 

Fit-Tajlandiż insibu kelma li għandha pronunzja li tixbah ħafna lil dik ta' 綺麗: ขี้เหร่ kêe-rày.

Wieħed li studja xi ftit din il-lingwa kemxejn diffiċli jaf li l-partiċella ขี้- (letteralment tfisser 'ħara') tintuża spiss bħala prefiss li jirreferi għal xi kwalità fiżika jew xi karatteristika komportamentali negattiva - normalment ta' persuna imma anka ta' oġġett. Fost kliem simili nsibu ขี้เหล้า kêe-lâo 'sakranazz/a' (aħna ngħidu 'xorob u sar ħara'); ขี้อาย kêe-aai 'mistħi/ja' (il-kelma 'shy' tfakkarni f''Scheiße': 'shit'); ขี้เหนียว kêe-nĭeow 'qammiel/a' (il-Ġappuniżi jgħidu 吝嗇臭い 'tant jitqammel li jinten [daqs eskrement]'); ขี้ปด kêe-bpòt 'tivvinta/tigdeb' (to talk crap/bullocks) u oħrajn.

(Fit-Tajlandja. bħal ma jiġri f'Malta wkoll, hemm tendenza li kliem hekk jingħataw bħala laqmijiet mill-infanzja. Dawn jibqgħu anka meta dawn it-tfal isiru adulti u anka jekk il-karatteristika fiżika li tathom il-laqam tintilef maż-żmien.)

Mela b'mod interessanti immens, għalkemm ขี้เหร่ kêe-rày għandha prattikament pronunzja identika għal 綺麗 kirē, din tfisser 'ikrah/kerha' - kompletament l-oppost.

Fl-Ingliż insibu kelma li fiha l-istess kombinazzjoni ta' fonemi /k/ u /r/ u li simultanjament hija l-oppost ta' 'ugly': pulchritudinous (IPA: ˌpʌlkrɪˈtjuːdɪnəs). Din kelma li titnissel mill-aġġettiv Latin 'pulc(h)er' (IPA: /pulkʰer/) u apparti fil-kelma ta' qabel, sal-lum għadna nsibuha ġol-lingwi ta' Spanja u l-Portugal fil-kelma pulcro fejn tfisser 'nadif' jew 'pulit' (li tinsiex huma tifsiriet oħra ta' 綺麗 kirē). Fil-lingwi Slaviċi nsibu għerq simili u komuni ieħor li fih l-istess ħsejjes. Dan narawh f'kliem Russu bħal прекрасный (IPA: /prʲɪ'krasnɨj/), f'kliem Ċekoslovakk bħal krásný (fejn insibu wkoll kelma għal 'ikrah' li terġa' fiha l-istess fonemi: škaredý [scare u shy huma forsi rrelatati magħha?]) u f'kelma li tintuża kemm fil-Bulgaru u fil-Maċedoni bħal прекрасен (IPA: prɛ'krasɛn); kliem li kollu jfisser l-istess ħaġa: beautiful. Sabiħ/a bl-iSvediż hija vacker (IPA: /ˈvaɛ̂r/). Sbuħija bl-Albaniż hija bukuri.

La qegħdin hawn. Kulħadd jaf bil-Pjazza l-Ħamra ta' Moska, fir-Russja. Bir-Russu din tissejjaħ Красная площадь (IPA: ˈkrasnəjə ˈploɕːətʲ) u propjament tfisser 'Il-Pjazza s-Sabiħa'. L-isem tal-pjazza jmur lura sa minn ħafna qabel ir-revoluzzjoni ta' l-1917. Fil-lingwa Russa, l-għerq ta' l-isbuħija hu simili ħafna ta' l-għerq ta' l-aħmar. Biex inqabbel, il-karattru 艶 (つや) jiġi minn 'abbondanza' 豊 + 'kulur' 色 u jista' jfisser 'sbuħija'. Normalment ifisser 'tleqqija', u fil-Ġappuniż l-affarijiet li jleqqu jagħmlu つやつや jew きらきら kirakira mimetikament. Ta' min isemmi wkoll li fil-Ġappuniż insibu anki l-kelma 嫌い kirai (mill-verb 嫌う) li huwa nom li jintuża spiss b'mod aġġettivali bit-tifsira ta' 'dislike', 'hate', 'unpleasant'. Ħafna huma l-barranin li jħawduha ma' 綺麗,

Nammetti. Huwa faċli ħafna tintilef f'vjaġġ lingwistiku bħal dan. Però hija sensazzjoni unika ħafna dik li tħoss meta taf li tlaqt b'kelma bħal kerha u spiċċajt b'kelma bħal sabiħa. Tfakkrek ukoll li dak li huwa ikrah għal xi ħadd, huwa sabiħ għal ħaddieħor. Ikun x'ikun.

2011年11月20日日曜日

天気が寒い


「寒い・涼しい・冷たい」は、天気など温度を表す言葉です。

時々、気温を天気の一部だと考えて、「天気が寒い・天気が涼しい・天気が冷たい」などと使う人が居ます。 

でもそれは間違いです

天気は「晴れ・雨・曇り」などの状態で、「天気がいい」のように「いい・悪い」で表します。

けれども気温について言うときは、「今日は寒いですね」「南極は1年中寒い」「涼しくて気持ちがいい」「風が冷たい」のように、具体的なものを指して表します。

2011年6月27日月曜日

Wszelki Wypadek - Fil-Każ Ta' Każ



Wisława Szymborska hija kittieba u poetessa Pollakka li 15-il sena ilu, fl-1996, rebħet il-Premju Nobel tal-Letteratura. Fix-xogħol poetiku tagħha wieħed jiltaqa' ma' ħafna paradossi u kontradizzjonijiet li jirriflettu l-ironija tal-ħajja u tal-mewt.

Fost ix-xogħol kollu li qrajt jien, din li se nippreżenta taħt naħseb hija l-isbaħ poeżija tagħha. Tfakkarni ħafna f'dik ix-xena tal-film 'The Curious Case of Benjamin Button' fejn naraw kif l-azzjonijiet tagħna, ta' l-oħrajn u tan-natura, huma kemm huma apparentement insinifikanti, jaffettwaw b'mod indelebili u b'saħħtu ħafna d-destin u l-eżistenza ta' kollox u dawn huma spiss ċirklu vizzjuż ta' reazzjonijiet minn reazzjonijiet għal azzjonijiet li huma nfushom kienu reazzjonijiet.

Traduzzjonijiet tal-poeżiji tagħha għadni ma sibtx ippubblikati. Nispera li xi darba, xi ħadd, jiddeċiedi jaħdem fuqhom għall-Malti. Qed nitilfu ħafna sbuħija.

Il-Pollakk hija lingwa daqsxejn diffiċli, hawnhekk se nipprova nittraduċiha bl-aħjar mod possibli.
M'ilnix iżjed minn sena nistudja din il-lingwa eżaġeratament sabiħa tal-Polonja u t-triq għadha twila għalija.

(Kontu tafu li ż-Ż bit-tikka tintuża fil-lingwi Maltin u Pollakki biss?)


Wszelki Wypadek - Fil-Każ Ta' Każ

Zdarzyd się mogło.
Zdarzyd się musiało.
Zdarzyło się wcześniej. Później.
Bliżej. Dalej.
Zdarzyło się nie tobie.
Ocalałeś, bo byłeś pierwszy.
Ocalałeś, bo byłeś ostatni.
Bo sam. Bo ludzie.
Bo w lewo. Bo w prawo.
Bo padał deszcz. Bo padał cieo.
Bo panowała słoneczna pogoda.
Na szczęście był tam las.
Na szczęscie nie było drzew.
Na szczęście szyna, hak, belka, hamulec,
Framuga, zakręt, milimetr, sekunda.
Na szczęście brzytwa pływała po wodzie.
Wskutek, ponieważ, a jednak, pomimo.
Co było to było gdyby ręka, noga,
O krok, o włos.
Od zbiegu okoliczności.
Więc jesteś? Prosto z uchylonej jeszcze chwili?
Sied była jednooka, a ty przez to oko?
Nie umiem się nadziwid, namilczed się temu.
Posłuchaj,
Jak mi prędko bije twoje serce. 

Seta' jseħħ.
Kellu jseħħ.
Seħħ qabel. Wara.
Iżjed viċin. Iżjed distanti.
Seħħ. Mhux lilek.
Ħlistha għax kont l-ewwel.
Ħlistha għax kont l-aħħar.
Għax kont waħdek. Għax man-nies.
Għax fuq il-lemin. Għax fuq ix-xellug.
Għax ix-xita. Għax id-dell.
Għax kienet qiegħda tiddi x-xemx.
Fortunatament kien hemm bosk.
Fortunatament ma kienx hemm siġar.
Fortunatament binarju, ġanċ, travu, brejk,
xażi, kurva, millimetru, sekonda.
Fortunatament kien hemm mus tal-leħja jifflowtja fuq l-ilma.
Minnufih, minħabba, madankollu, minkejja.
X'kien jiġri li kieku id, sieq,
pass 'il bogħod, xagħra 'il bogħod,
minn koinċidenza.
Mela hawnhekk qed? Dirett mir-ruħ li għadu mbexxaq?
Ix-xibka toqba waħda biss kellha, u int propja minn hemm?
M'hemmx limitu għal kemm nista' nistgħaġeb, u nibqa' bla kliem, għal dan.
Isma'.
Isma' kemm qiegħda tħabbatli qalbek.